L-Avukat ta' Yorgen Fenech taqla' ħasla mill-Imħallef; Is-smigħ idum biss ħames minuti

Illum kompla l-każ Kostituzzjonali miftuħ minn Yorgen Fenech biex Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni

Dalgħodu, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, kompla l-Każ Kostituzzjonali miftuħ minn Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-għan li l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax involut fl-investigazzjoni.

Iżda s-seduta kienet ħafna iqsar milli ppjanat, tant li l-Imħallef Lawrence Mintoff ta ħasla lill-Avukat Marion Camilleri għax tela' jixhed biss rappreżentant ta' Jobsplus biex jippreżenta karta.

Jidher li x-xhud ippreżenta lill-Qorti dokument bl-isem ta' mara li ma jistax ikun ippubblikat.

Kien hawn li Marion Camilleri informat lill-Qorti li ma kellha l-ebda xhud ieħor u l-Imħallef ta ħasla għax fi kliemu ħliet il-ħin tal-Qorti u tal-midja.

L-Assistent Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg saħqet li mhijiex ippreparata biżżejjed għall-kontro eżami għax ma basritx li setgħet tibda llum.

Għalhekk il-każ kellu jkun aġġornat għas-17 ta' Diċembru.

X'qal Yorgen Fenech fl-aħħar seduta...

Fl-aħħar seduta, Yorgen Fenech wara li qal li kien ilu żmien twil ħabib mal-eks Chief of Staff Keith Schembri, insista li l-istess Schembri kien qed ikun infurmat kontinwament bil-progress tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech saħanistra qal li kien Keith Schembri li qallu li kien se jsir rejd fit-tinda tal-Patata fil-Marsa, fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju, qal li Yorgen Fenech kien qallu li se jsir rejd fil-Marsa.

Qal ukoll li l-istess Schembri qallu li l-mowbajl tiegħu kien qed jiġi interċettat.

Yorgen Fenech qed jinsisti li kien Keith Arnaud li għadda din l-informazzjoni lil Keith Schembri waqt li ddeskrivihom bħala ħbieb, tant li Schembri għen biex mart Arnaud tingħata mpjieg mal-Gvern.

Fenech qed jimplika li Keith Schembri huwa mdaħħal fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tant li qed jisħaq li għandu recordings ta’ telefonati li jikxfu dan.

More in Qrati u Pulizija