L-FTS ordnata tħallas €141,000 f’danni lis-sidien ta' barriera fl-Imqabba

Il-Qorti kkonkludiet li minħabba xogħlijiet tal-FTS kien ċeda ħajt fil-barriera li radam tagħmir u mħażen

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

Sidien ta’ barriera fl-Imqabba se jkunu qed jitħallsu €141,000 f’danni wara li parti mill-barriera kienet waqgħet fuq it-tagħmir tagħhom, kawża ta’ xogħlijiet li kienu għaddejin fuq grawnd għal-logħob għal skola tal-Gvern fil-viċin lura fl-2010.

Meta x-xogħol fuq dan il-grawnd kien lest, Farrugia kien qed jilmenta li l-ilma tax-xita kien qed jispiċċa kollu fil-barriera u l-ebda azzjoni ma ttieħdet.

Kien il-Ħadd 28 ta’ Frar 2010 meta parti sostanzjali mill-ħajt waqa’ fil-barriera bit-tagħmir u anke mħażen jispiċċaw mirduma.

Skont il-perit Tancred Mifsud, il-ħajt ċeda għax l-ilma tax-xita minn fuq il-grawnd kien qed jispiċċa kollu fil-ħamrija tal-ħajt li kien jifirdu minn mal-barriera, sakemm fl-aħħar dan ċeda.

Madanakollu, il-periti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Leonard Zammit u Anthony Cassar kienu saħqu li l-ħajt ċeda minħabba l-fond tal-barriera, tant li l-ħajt ma kellux biżżejjed fuq xiex jistrieħ.

Il-Qorti kienet appuntat lill-perit Alex Torpiano li kien qabel mal-perit Mifsud.

L-Imħallef Francesco Depasquale saħaq li dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ħafna agħar.

Huwa qal li mill-evidenza miġbura fl-aħħar sitt snin, jirriżulta li l-Fondazzjoni ma ħaditx il-prekawzjonijiet kollha neċessarji qabel ma bdiet ix-xogħol.

Ikkonkluda li l-Fondazzjoni kienet taf li minħabba x-xogħolijiet fuq il-grawnd, ammont konsiderevoli ta’ ilma kien qed jispiċċa fil-barriera.

More in Qrati u Pulizija