Sentenza sospiża għal maniġer ta' diskoteka li ta xebgħa lil żgħażugħ f'Paceville

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkundannat lill-akkużat għal piena ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin.

Maniġer ta’ diskoteka f’Paceville ngħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq żewġ żagħżagħ Maltin.

Ir-raġel ta’ 43 sena ġie mixli li flimkien ma’ żewġ bouncers barranin, ta’ 31 sena u 27 sena rispettivament weġġgħu gravi żewġ żagħżagħ Maltin fl-24 ta’ Frar 2016.

L-Ispettur Elton Taliana spjega li dakinhar kienet qamet ġlieda kbira f’Paceville u li fiha wieħed miż-żgħażagħ kien ġie msawwat quddiem ‘Soho Lounge’. Huwa kien ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi f’wiċċu u partijiet oħra ta’ ġismu.

Il-vittma kien spjega li l-ġlieda kienet qamet wara li l-istess akkużati bdew issawwtu raġel ieħor barra d-diskoteka. Kien hawnhekk li l-vittma mar biex iwaqqfahom. Dan wassal sabiex l-akkużat jinfexx jagħtih daqqiet ta’ ponn f’ħalqu u geddumu. Iż-żagħżugħ l-ieħor pprova jwaqqaf lill-aggressuri iżda l-istess bouncer infexx jagħti lill-ħabib tal-vittma.

Fil-Qorti huwa rrakonta kif, “jien kont fl-art, qabadni mill-għonq u beda jfaqqa’ daqqiet ta’ ponn fil-wiċċ u mbagħad ġew żewġ bouncesr oħra  biex jgħinuh."

Fis-sentenza tagħha L-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet l-argument li l-akkużat kien qed ‘jiddefendi lilu nnifsu’. Il-Qorti qalet li bħala maniġer l-akkużat kellu jkun il-persuna li jitfi n-nar hu mhux irewwħu. 

“Inċidenti bħal dawn, sfortunatament qed isiru dejjem aktar frekwenti u għalhekk wasal iż-żmien biex il-messaġġ jasal. Jekk għandek liċenzja biex topera negozju ma jfissirx li għandek f'liċenzja biex tuża l-forza," saħqet il-Maġistrat.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkundannat lill-akkużat għal piena ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin.

Finalment, il-qorti ordnat ukoll lill-pulizija biex jinvestigaw u jfittxu liż-żewġ bouncers oħra implikati f’dan l-attakk.

More in Qrati u Pulizija