Aġġornata | Il-każ legali dwar il-ħatriet tal-ġudikatura għal quddiem il-Qorti Ewropea

Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti, innotat li minħabba l-materja tal-każ, jeħtieġ li l-Qorti tiddikjara l-aspetti delikati tal-każ

Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Repubblika sabiex il-Qorti Ewropea tiddetermina jekk is-sistema attwali ta’ ħatriet tal-ġudikatura skont il-Kostituzzjoni Maltija tiksirx id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti, innotat li minħabba l-materja tal-każ, jeħtieġ li l-Qorti tiddikjara l-aspetti delikati tal-każ. Hi għamlet referenza wkoll għal deċiżjoni reċenti tal-Qorti Ewropea kontra l-Polonja.

Is-Sur Imħallef Mark Chetcuti osserva li kien hemm tliet każijiet fejn il-Qorti Nazzjonali mhix obbligata li tagħmel din ir-referenza. Meta l-mistoqsija tkun diġà ġiet imwieġba mill-Qorti Ewropea, fejn il-każ jista’ jiġi deċiż abbażi ta’ sentenza preċedenti u meta il-mistoqsija tant tkun ovja li ma tħalli l-ebda dubju dwar ir-risposta.

Il-Qorti qalet li l-mistoqsija ċentrali għal din il-kawża ma kinitx l-istess bħal tal-oħrajn, li fil-każ tal-Polonja kienet tittratta l-validità tal-liġi l-ġdida.

"Fil-każ tal-lum din hija l-Kostituzzjoni, li ilha fis-seħħ mill-indipendenza u li issa qed jiġu attakkati quddiem il-qrati Maltin u issa assedjati għar-raġunijiet ta’ dan ir-rikors,” sostna l l-imħallef

Żied jgħid li s-suġġett huwa wieħed delikat u ta’ interess nazzjonali b’riperkussjonijiet serji ħafna mhux biss fuq is-sistema tal-ġustizzja, iżda għas-soċjetà kollha.

F'digriet separat mogħti wkoll illum, il-qorti ċaħdet it-talba tal-avukat Joe Brincat biex jintervjeni fil-każ.

Intant fi stqarrija b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti l-Gvern qal li se jitlob formalment permess għal appell.

Stqarrija Repubblika

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika qalet li qed tilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni ta’ llum mill-Qorti li ordnat li ssir referenza lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura f’Malta. 

"L-iskop ta’ din il-kawża mhu xejn ħlief li jiġi żgurat li l-ġudikatura f’pajjiżna ma titlifx l-indipendenza tagħha."

Żiedet tgħid li, "id-deċiżjoni tal-lum li din il-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti Ewropea hija rebħa għal kull min jgħożż l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-fatt li r-reazzjoni tal-Gvern kienet li se jappella biex ma ssirx referenza għall-Qorti Ewropea turi kemm il-Gvern jibża mill-Qorti Ewropea għax jaf li mgħandux raġun."

More in Qrati u Pulizija