Jingħata l-libertà proviżorja wara li nqabad b'disa' kilogrammi ta' ħaxixa tal-Kannabis

Huwa kien ġie arrestat ftit taż-żmien ilu

Żagħżugħ li qed ikun akkużat b'pussess u t-traffikar ta’ disa’ kilogrammi ta' ħaxixa tal-Kannabis illum ingħata l-libertà proviżorja wara disa’ tijiem taħt arrest preventiv.

Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena minn Ħal Tarxien tressaq il-Qorti l-ġimgħa l-oħra mixli b’pussess aggravat tad-droga kannabis u traffikar.

 Tliet kilogrammi ta’ ħaxix tal-kannabis instabu fil-karozza tiegħu filwaqt li fi tfittxija oħra fil-garaxx tiegħu nstabu sitt kilogrammi oħra ta’ din id-droga.

Il-Maġistrat Doreen Clarke semgħet numru ta’ xhieda waqt is-seduta tal-bieraħ fosthom, is-sid tal-garaxx, li qal lill-Qorti li kien kera l-proprjetà lil akkużat.
Intqal ukoll li l-akkużat kien ikkoopera mal-pulizija.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u depożitu ta’ €1,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-għassa tal-Pulizija kull ġimgħa.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għar-raġel.

L-Ispettur Justine Grech mexxiet il-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija