Sitt xhur ħabs u deportazzjoni wara li pprova jitlaq minn Malta b’dokument falz

"Rajna terroristi jużaw dokumenti foloz u rridu nipproteġu l-fruntieri tagħna," saħaq il-Maġistrat Joe Mifsud.

Raġel Albaniż intbagħat sitt xhur ħabs wara li wieġeb ħati li bagħbas u għamel użu minn karta tal-identità Griega li ma kinetx tiegħu.

L-Ispettur Darren Buhagiar spjega li żagħżugħ ta’ 24 sena nqabad fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jumejn ilu, waqt li pprova jivvjaġġa lejn Gatwick fir-Renju Unit b'karta tal-identità Griega li kienet ukoll iffalsifikata. 

Huwa kien ammetta mal-pulizija li ħallas €600 għal dan id-dokument u li ried immur ir-Renju Unit biex isib xogħol u ħajja aħjar.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkundanna lir-raġel għal sitt xhur ħabs filwaqt li ordna d-deportazzjoni tar-raġel lura lejn l-Albanija wara li jiskonta s-sentenza.

"Rajna terroristi jużaw dokumenti foloz u rridu nipproteġu l-fruntieri tagħna. Għandna nsegwu l-liġi ta’ dawn il-gżejjer,” saħaq il-Maġistrat Joe Mifsud.

More in Qrati u Pulizija