Jinżammu taħt arrest żewġt irġiel akkużati b'serqa kmieni l-bieraħ filgħodu

Waqt din is-serqa l-ħallelin allegatament serqu mowbajl u €300 fi flus kontanti. 

Żewġ t’irġiel ta’ 32 u 31-il sena rispettivament illum tressqu l-Qorti akkużati b’serqa fuq raġel ieħor kmieni l-Ħadd filgħodu.

Waqt din is-serqa l-ħallelin allegatament serqu mowbajl u €300 fi flus kontanti. Apparti minn hekk fil-Qorti ħareġ li żewġ t’irġiel oħra mis-Somalja allegatament kompliċi fir-reat għadhom ma nqabdux. 

L-akkużati li fil-Qorti qalu li m’għandhomx saqaf fuq rashom ġew mixlija b’serq vjolenti, li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq il-vittma u li kienu riċedivi. Wieħed mill-irġiel kien ukoll akkużat b’intimidazzjoni fil-konfront tal-Pulizija wara li allegatament heddu li se jilmenta mal-Prim Ministru u jkeċċih minn xogħlu.

L-akkużat l-ieħor ġie mixli wkoll li ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-Pulizija, li kien fis-sakra f'post pubbliku u li hedded uffiċjal tal-pulizija fl-Isptar Mater Dei. Hekk kif bdiet is-seduta dan tal-aħħar qal lill-Qorti li ma riedx avukat għax skontu,  'ma għamel xejn ħażin' u talab għal diversi drabi lill-vittma jixhed dan.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat sabiex iż-żewġt irġiel akkużati jinżammu taħt arrest filwaqt li qalet li l-vittma se tkun qiegħed tixhed dalwaqt.

More in Qrati u Pulizija