Il-Qorti ma tilqax talba għal piena eħrex lil eks pulizija ħati ta' attentat ta' qtil

Il-Qorti ma tilqax talba tal-Avukat Ġenerali biex tingħata piena aktar ħarxa lil raġel misjub ħati ta' attentat ta' qtil fuq dik li kienet martu

Appell mill-Avukat Ġenerali biex eks pulizija akkużat u misjub ħati ta' attentat ta' qtil, jingħata piena aktar ħarxa ma kienx milqugħ fil-Qorti llum. Ir-raġel li diġa serva l-piena ta' seba' snin u nofs priġunerija multa ta' €6,500, kien instab ħati illi fl-2012 fis-Saqajja r-Rabat kien ipprova joqtol lill-eks mara tiegħu. 

Jidher illi fl-2012 dan l-eks pulizija kien mar ħdejn lukanda fis-Saqajja fejn kienet taħdem martu u omm żewġ uliedu, dak iż-żmien ta' 21 sena. Huma kellhom argument jaħraq f'liema punt ir-raġel sparalha f'sidirha, filwaqt li spara lilu nnifsu wkoll. Filwaqt li hi marret twerżaq u tgħajjat għall-għajnuna, l-akkużat mar fl-iktar għassa qrib il-post fejn twettaq l-att u ta lilu nnifsu lill-pulizija. Huwa ttieħed l-isptar għall-kura wkoll. 

Il-prosekuzzjoni argumentat illi l-ġurati kienu waslu għall-konklużjoni żbaljata meta aċċettaw l-argument tad-difiża illi meta twettaq l-att l-eks pulizija kien "mentalment aġitat" minħabba proċeduri ta' separazzzjoni. 

Il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti, iddeċidiet iżda illi l-ġurati ma waslux għall-konklużjoni żbaljata imma ħadu deċiżjoni skont dak li ħareġ fil-ġuri.

Il-Qorti ddeċidiet ukoll li huwa serva s-sentenza mogħtija lilu fiż-żmien li nżamm fil-kustodja tal-Pulizija sakemm kien qed isir il-ġuri. 

L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo deheru għall-akkużat. 

 

More in Qrati u Pulizija