Iħebb għall-Pulizija meta qalulu li x'aktarx kienet it-tfajla li serqitlu €80,000

Fid-dar tar-raġel li mill-vittma spiċċa akkużat instabet ukoll id-droga kannabis

Raġel li spiċċa jiġġieled mal-Pulizija meta qalulu li qed jissuspettaw li kienet it-tfajla tiegħu li serqitlu €80,000, ingħata sentenza sospiża u anke multa wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, inkluż li kellu d-droga.

Jiem qabel l-arrest tiegħu, ir-raġel irrapporta kif insterqulu €80,000 fi flus kontanti mid-dar tiegħu fis-Swieqi.

Il-Pulizija investigat dan il-każ u ssuspettat fit-tfajla tiegħu.

Jidher li meta l-Pulizija marru d-dar biex ikomplu bl-investigazzjoni, ir-raġel irreżista lill-Pulizija u spiċċa biex weġġa’ kuntistabbli.

Huwa tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ, akkużat ukoll li kiser ordni ta’ probation.

Sakemm kienu fid-dar tiegħu, il-Pulizija sabu wkoll reżina tal-kannabis.

L-akkużat ammetta l-akkużi. Huwa ngħata multa ta’ €800 u ngħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal 12-il xahar.

More in Qrati u Pulizija