'Aħjar immutu milli mmorru lura l-Libja' - Tliet immigranti akkużati b'hijack ta' vapur

Tliet immigranti żgħażagħ jidhru quddiem il-Qorti, akkużati b'terroriżmu meta ħatfu vapur li kien se jeħodhom lura l-Libja

(Arkivji)
(Arkivji)

Tliet żgħażagħ akkużati b'terroriżmu meta wettqu hijack tal-vapur El Hiblu, biex dan ma jmurx lura l-Libja, qalu lill-pulizija, waqt l-interrogazzjoni, li "aħjar immutu fil-Mediterran milli mmorru lura l-Libja." 

Iż-żgħażagħ ta' 15,16 u 19-il sena rispettivament kienu akkużati b'terroriżmu u li wettqu hijack ta' vapur li fil-fatt kien qed isalva lilhom u lil kważi 100 immigrant ieħor f'ibħra internazzjonali. Huma kienu ħarbu mill-Libja. 

Jidher illi l-immigranti, minkejja li kienu mwegħda li se jidħlu l-Ewropa, bdew isabbtu mal-vapur b'għodda malli indunaw li dan reġa dar għall-Libja.

Għal xi ħin fil-Qorti l-Ispettur Carista Armeni esebiet l-għodda li allegatament kienu wżati mill-immigranti biex isabbtu u għaddiet ritratt tad-daqqiet fuq il-vapur. L-avukat difensur Cedric Mifsud staqsa kif l-Ispettur waslet għall-konklużjoni li l-marki fuq il-vapur saru mill-għodda. Filwaqt li Armeni qalet li ma tistax tagħti din iċ-ċertezza semmiet kif kien hemm is-sadid f'kull naħa tal-vapur.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda kien talab lil pajjiżna biex jerġa jikkunsidra l-akkużi ta' terroriżmu fil-konfront ta' dawn it-tliet żgħażagħ, akkużi li kien iddeskriva bħala esaġerati. 

Il-każ ġie aġġornat għall-24 ta' Ottubru. 

L-avukati Cedric Mifsud, Neil Falzon u Gianluca Cappitta qed jidhru għall-akkużati. 

 

 

More in Qrati u Pulizija