Jikser ordni ta' protezzjoni sigħat biss wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest

Iż-żagħżugħ reġa' spiċċa arrestat u ntalab iħallas il-garanzija personali ta' €4,500

Żagħżugħ magħruf sewwa mal-Pulizija u li kiser ordni ta’ protezzjoni eżatt malli ngħata l-ħelsien mill-arrest reġa’ sab ruħu l-ħabs.

Iż-żagħżugħ li għandu 26 sena kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Novembru tal-2018.

Madanakollu, fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat, eżatt malli ngħata l-ħelsien, għamel kuntatt mal-persuna li l-Qorti, għal darbtejn, ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tagħha.

L-istess persuna hija x-xhud ewlieni fil-każ li għadu għaddej kontra ż-żagħżugħ.

Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti fl-2014 akkużat li għen tliet suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jisirqu stabbiliment tal-kmamar tal-banju fir-Rabat Għawdex.

Huwa ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li kien kompliċi.

L-akkużat kien ukoll instab ħati li seraq sigaretti minn magna tas-sigaretti f’ħanut.

Intant, il-Qorti ordnat li l-akkużat ikun arrestat mill-ġdid u biex iħallas il-garanzija personali ta’ €4,500.

Huwa se jkun qed jinżamm taħt osservazzjoni fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.

More in Qrati u Pulizija