Tajjar mara waqt li kien fis-sakra, mietet sentejn wara u weħel multa ta' €3,000

Il-vittma mietet sentejn wara kaġun tal-ġrieħi li sofriet waqt dan l-inċident, dan kien ikkonfermat fil-Qorti minn tabib

Raġel li tajjar mara waqt li kien fis-sakra ġie ordnat iħallas multa ta' €3,000  fi żmien tliet snin filwaqt li kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena. Apparti minn dan huwa ġie ordnat iħallas €1,754 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li minkejja li Vella saq b'traskuraġni u kien fis-sakra, il-Qorti ma setgħatx issibu ħati li kkawża l-mewt tal-mara. Dan minħabba li l-prosekuzzjoni niżlet fil-lista ta' akkużi li l-mara mietet dakinhar tal-inċident, meta fil-fatt mietet sentejn wara l-inċident.

 Madankollu illum, l-akkużat instab ħati li saq taħt l-effett tax-xorb u b'sewqan perikoluż.

Il-każ immur lura għas-sena 2015, meta għall-ħabta tas-1:30 am, il-vittma kienet barra fix-xita tassisti lil binha li kellu xi problemi fil-karozza. Jirriżulta li l-akkużat kien qed isuq b'veloċità kbira u kaġun t'hekk tilef il-kontroll tal-vettura u baqa' dieħel ġo karozza pparkjata. Kaġun tal-impatt, il-karozza pparkjata laqtet lill-vittma. Dakinhar kien sar test ta' breathalyser fuq l-akkużat li rriżulta fil-pożittiv.

Il-mara mietet sentejn wara propju, f'April tal-2017 minħabba l-ġrieħi li sofriet dak il-lejl. Dan kien ikkonfermat mix-xhieda tat-tabib.

L-Ispettur Bernardette Vella mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia kienu avukati tad-difiża.

More in Qrati u Pulizija