L-aħwa Degiorgio jitolbu kopja tat-telefonati li wasslu għall-arrest tagħhom

Tnejn mill-akkużati fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jiftħu protest ġudizzjarju

Tnejn mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia illum talbu lil Avukat Ġenerali, lil Kummissarju tal-Pulizija u lil Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà jippreżenta fil-Qorti r-rekords tat-telefonati li wasslu għall-arrest tagħhom.

L-aħwa George u Alfred Degiorgio ressqu protest ġudizzjarju fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur tal-MSS. L-irġiel qed jargumentaw li "l-kumpilazzjoni tal-evidenza ġiet mgħaġġla."

L-avukat tagħhom, William Cuschieri saħaq illi mill-mument tal-arrest tagħhom il-prosekuzzjoni kienet ftaħret li kellhom ir-records telefoniċi ta’ George Degiorgio li apparantament kienu kruċjali sabiex iwassluhom għall-arresti. Fost dawn it-telefonati hemm dawk relatati mat-top up tal-mobile li kienet strumentali wkoll sabiex il-bomba tiġi attivata u oħrajn fejn George Degiorgio jitlob lis-sieħba tiegħu tixtri l-inbid biex jċċelebraw.

Dan kollu kien ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud waqt il-kumpilazzjoni ta l-evidenza u skont Cuschieri dan "ħoloq ħafna sensazzjonaliżmu fil-midja u għamel ħsara għal-preżunzjoni ta' l-innoċenza tal-akkużati.”
Cuschieri sostna wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jipprovdi fil-qorti it-traskrizzjonijiet tal-telefonati interċettati. Apparti minn dan huwa qal li, l-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ma kienx ikkonferma l-awtentiċità tagħhom.

Cuschieri żied jgħid li  għandhom jiġu esibiti mhux biss it-traskrizzjonijiet u x-xhieda, iżda wkoll il-mandati li bihom skattaw dawn l-interċettazzjonijiet. 

Skontu in-nuqqas ta’ dan jista’ jfisser illi:

  • Mhux minnu li dawn l-interċetti saru mill-Pulizija. 
  • Li kieku kienu fil-fatt saru, kienu magħmula b'mod kompletament illegali u li kieku l-interċetti saru ċertament ma sarux b'referenza għall-investigazzjoni ta’ dak li kien għadu ma seħħx, iżda b’rabta ma’ investigazzjoni oħra u għalhekk ma jistgħux jintużaw bħala evidenza f'dan il-każ. 
  • Jekk saru b’mod illegali dawn ġew mgħoddija b’ mod illegali, lil Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà u lil Kummissarju tal-Pulizija
  • Jekk verament jeżistu, huma meħtieġa jiżvelaw kull parti tal-kontenut ta’ dawn it-telefonati.

Fl-aħħar nett l-avukat talab sabiex jiġu ppreżentati kopji tat-traskrizzjonijiet flimkien mal-mandati relatati fi żmien 24 siegħa. “Fin-nuqqas ta’ dan, dawk li kkaġunaw dan is-sensazzjonaliżmu bla preċident, għandhom jikkumpensaw lill-applikanti,” temm jgħid l-avukat.

More in Qrati u Pulizija