Akkużat bi vjolenza domestika fuq il-ġenituri biex jagħtuh il-flus għad-droga

Iż-żagħżugħ qam fil-Qorti jisħaq li huma l-ġenituri tiegħu li jabbużawh

Żagħżugħ ta’ 29 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika fuq il-ġenituri tiegħu biex  jagħtuh il-flus biex ikun jista’ jixtri d-droga.

Iż-żagħżugħ għadu qed jgħix mal-ġenituri li għandhom 74 u 75 sena.

L-Avukat tad-Difiża minnufih talab għall-ħelsien mill-arrest waqt li ddeskiriva lill-akkużat bħala “vittma” tal-vizzju.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan waqt li spjegat kif kuljum kienu qed isiru rapporti fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar.

“L-akkużat għandu l-problema tad-droga, ma jaħdimx, jgħix mal-ġenituri u kontinwament jitlobhom il-flus,” saħqet l-uffiċjal tal-Prosekuzzjoni Oriana Spiteri.

Hija qalet kif kien hemm żmien meta l-ġenituri kienu jagħtuh madwar €5,000 fix-xahar u saħansitra kellhom ibiegħu xi plots li kellhom biex ikunu jistgħu jlaħqu miegħu.

“Ipprova jidħol f’programm ta’ rijabilitazzjoni f’Lulju li għadda. Fl-istess lejl reġa’ mar id-dar jitlobhom il-flus,” kompliet tisħaq.

Saħqet li dan il-każ ilu għaddej 15-il sena sakemm l-omm ma felħitx aktar u ddeċidiet li tieqaf tagħtih il-flus. Minħabba f’hekk spiċċa jerfa’ jdejh fuqha u kkawżalha feriti ħfief.

F’ħin minnhom, l-akkużat qam bilwieqfa jistaqsi jekk jistax jgħid il-verżjoni tiegħu waqt li saħaq li kienu l-ġenituri tiegħu li kienu jabbużawh.

“Jiena addottat u kont abbużat sesswalment. Ma għandhiex fejn immur noqgħod. Ommi qaltli li taċċettani lura d-dar jekk nidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni,” qal l-akkużat,.

Il-Maġistrat Simone Grech tagħtu ċans jitkellem qabel ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.

“Qed niċħad it-talba minħabba li l-akkużi huma serji u għax għadek tgħix fl-istess dar mal-vittmi,” qaltlu l-Maġistrat waqt li rrakkomandat lid-Direttur Ġenerali tal-Ħabs biex jieħu l-passi neċessarji biex l-akkużat jegħleb il-vizzju.

More in Qrati u Pulizija