Eks inġinier tal-Enemalta jingħata sentenza sospiża wara li nqabad ibagħbas fil-meters tad-dawl

Inġiniera tal-Pulizija u tal-Enemalta qalu li minn investigazzjonijiet li għamlu nstabu li stabbilimenti oħra f'Birżebbuġa, Ħaż-Żabbar u Ħal Qormi kienu qed igawdu mill-istess trattament

Eks inġinier tal-Enemalta ġie kkundannat disa' xhur ħabs sospiżi għal 14-il xahar wara li nstab ħati li rċieva flus sabiex jbagħbas fil-meters tad-dawl.

Il-Qorti semgħet kif waqt spezzjonijiet fl-2015 uffiċjali mill-Enemalta skoprew li ristorant f’Wied il-Għajn kien qed iġib l-elettriku tiegħu mhux permezz tal-meter tad-dawl iżda direttament mill-'grid' tal-elettriku.

Is-sid ta' dan ir-ristorant kien ammetta li din l-installazzjoni  kienet saret mill-akkużat, meta dan tal-aħħar offra li jagħmel dan għall-prezz ta' €1,200.

"Daħal bħala klijent fir-ristorant tiegħi  u offra li jinstalla 'wires' li bihom il-kont jiġi orħos. Offrili prezz u għidtlu le, ħaqqni skont għaliex kelli żewġ stabbilimenti. B'hekk huwa għamili żewġ installazzjonijiet f'żewġ ristoranti għall-prezz ta' € 900." Żied jgħid ukoll li żewġ persuni oħra kienu mal-akkużat fil-ħin tan-negozjati.

Inġiniera tal-Pulizija u tal-Enemalta qalu li minn investigazzjonijiet li għamlu nstabu li stabbilimenti oħra f'Birżebbuġa, Ħaż-Żabbar u Ħal Qormi kienu qed igawdu mill-istess trattament.

Ir-raġel kien akkużat li hedded lis-sid tar-ristorant jekk dan jikxef ix-xogħol li kien sarlu. Il-qorti ddeċidiet, madankollu, li dan ma kienx biżżejjed u ma jistax jitqies bħala theddida. Apparti minn dan huwa ġie akkużat ukoll b'korruzzjoni bħala impjegat tal-gvern iżda l-qorti ċaħdet dan minħabba ll-fatt li fl-2014 l-Enemalta saret Engineering Resources Ltd u b'hekk l-impjegati ma baqgħux jaqgħu taħt il-Gvern.

L-akkużat instab ħati ta' serq u ħsara fuq cables elettriċi tal-Gvern u għalhekk ġie kkundannat disa' xhur ħabs sospiżi għal 14-il xahar.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mexxiet is-seduta filwaqt li l-Ispettur Matthew Vella mexxa l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija