Il-Qorti terġa' tikkonferma l-innoċenza tal-eks Sindku Slimiż akkużat b'tixħim

Fl-2012 Dimech kien weħel sena ħabs fuq l-akkuża li talab somma flus għall-kuntratt tax-xogħol

L-eks Sindku Nazzjonalista Nikki Dimech
L-eks Sindku Nazzjonalista Nikki Dimech

Illum il-Qorti tal-Appell reġgħet ikkonfermat l-innoċenza tal-eks Sindku ta' Tas-Sliema Nikki Dimech, li kien akkużat b'tixħim u li hedded uffiċjal pubbliku.

Huwa kien akkużat li talab ħlas mingħand l-eks 'manager' tal-kuntratti tal-Kunsill Lokali Slimiż Stephen Buhagiar.Dan kien allega li Dimech talbu l-flus għal kuntratt li kien irnexxielu jirbaħ mal-kunsill.

Il-kuntratt kien jibda b'perjodu ta' prova għal sitt xhur u seta' jitwaqqaf kieku s-servizz ta' Buhagiar ma kienx kif mixtieq.

Fil-fatt hekk kien ġara u Buhagiar kien immedjatament irrapporta lill-pulizija u qal li twaqqaf għax ma kienx aċċetta li jagħti l-flus lil Dimech.

Fl-2012 il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati u kienet tagħtu sentenza ta' sena ħabs, iżda l-Qorti tal-Appell kienet bidlet id-deċiżjoni u ordnat li l-każ jibda mill-bidu.

F'intervista mal-gazzetta oħt MaltaToday, Dimech kien għamel numru ta' allegazzjonijiet fosthom li wara l-arrest tiegħu l-Ispettur tal-Pulizija kien wissih li l-karriera politika tiegħu kienet spiċċat u għalhekk ikun għaqli li jipprova jsalva in-negozju tiegħu. Huwa kien allega li l-Pulizija qalulu li jekk ma jammettix se jkun qed issir spettaklu sħiħ bih mal-midja. 

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti tal-Appell qalet li taqbel mal-Avukat Ġeneral li l-kummenti tas-Sindku mal-midja setgħu saru bl-għan li jkisser ir-reputazzjoni tal-prosketur, minkejja dan, dawn ma setgħux jitqiesu bħala theddid jew insulti.

 Għal din ir-raġuni l-Qorti ċaħdet l-appell u reġgħet ikkonfermat is-sentenza.

L-avukat Mark Vassallo u Edward Gatt dehru għal Dimech.

More in Qrati u Pulizija