Il-Ministri Cardona, Mizzi u Scicluna jintalbu jispjegaw kif ikkwotaw mir-rapport Egrant

Fl-appell imressaq minn Adrian Delia, il-Qorti Kostituzzjonali tordna lit-tliet Ministri biex jixhdu u jispjegaw il-kwotazzjonijiet tagħhom

Il-Ministri Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna ġew ordnati mill-Qorti Kostituzzjonali biex jixhdu dwar ir-rapport tal-inkjesta Egrant li għadu ma ġiex ippubblikat kollu kemm hu.

Il-Ministri allegatament ikkwotaw minn dan ir-rapport tal-inkjesta fil-każ miftuħ mill-NGO Repubblika biex il-Qorti tinvestiga l-ftehim mal-Vitals Global Healthcare.

Repubblika u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, fl-appell li fetaħ, insistew li l-Ministri kkwotaw minn partijiet li mhumiex il-konklużjonijiet li ġew ippubblikati mill-Avukat Ġenerali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien talab li r-rapport sħiħ, ta’ 1,500 paġna, jiġi ppubblikat u kien fetaħ każ Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali jisħaq li qed jinkisirlu d-dritt fundamentali tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni meta l-AĠ qed jibqa’ jirrifjuta li jagħtih ir-rapport sħiħ.

Il-Qorti ma kinitx laqgħet it-talba ta' Adrian Delia, iżda hu appella mid-deċiżjoni wara li l-Ministru Cardona, Mizzi u Scicluna allegatament ikkwotaw mir-rapport fil-każ miftuħ minn Repubblika dwar il-VGH.

Fl-appell tiegħu, Adrian Delia kien talab lill-Qorti biex tordna lill-Ministri biex jitilgħu jixhdu u jispjegaw kif ikkwotaw minn dokument li suppost huwa kunfidenzjali.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali kien saħaq li qatt ma nstema’ li xi ħadd, f’dan il-każ tliet Ministri, jintalbu jixhdu dwar evidenza ta’ inkjesta maġisterjali li fin-natura tagħha hija kunfidenzjali.

Wara li rat l-argumenti taż-żewġ partijiet, il-Qorti Kostituzzjonali mmexxija mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Noel Cuschieri u Giannino Caruana Demajo saħqu li biex il-ġustizzja tidher li qed issir, it-tliet Ministri għandhom jixhdu.

Is-smigħ li jmiss se jsir fid-29 ta’ Lulju, bit-tliet Ministri, Cardona, Mizzi u Scicluna se jkollhom jagħtu x-xhieda tagħhom u jispjegaw il-kwotazzjoni tagħhom.

More in Qrati u Pulizija