Jinżamm arrestat raġel ta’ 26 sena li kisser bieb u tieqa f’Mater Dei

Oriġinarjament ir-raġel kien ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza minn Paceville

Raġel ta’ 26 sena mill-Libja se jkun qed jinżamm arrestat wara li dalgħodu kisser bieb u tieqa fl-Isptar Mater Dei.

L-ispettur Jonathan Ransley spjega fil-Qorti li oriġinarjament ir-raġel kien ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza minn Paceville minħabba s-sakra li kien qiegħed fiha. Huwa kellu wkoll qatgħa f’idu.

L-ispettur qal li minkejja l-fatt li l-akkużat kien qiegħed joħroġlu d-demm huwa ġie ordnat ipoġġi bilqegħda u jistenna fl-emerġjanza. "Kaġun t’hekk," qal l-Ispettur,  |ir-raġel qajjem pandemonju sħiħ u kisser tieqa u bieb fir-reception tal-isptar Mater Dei."

Apparti minn hekk ir-raġel ġie akkużat li ħebb għall-żewġ uffiċjali tal-Pulizija, li kien fis-sakra fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika

L-avukat tal-akkużat Martha Mifsud qalet li r-raġel aġixxa b’dan il-mod għaliex kien qiegħed jiġġieled għal ħajtu u għaliex huwa xtaq li xi ħadd jagħti kasu.

Minkejja dan fis-sentenza tagħha l-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża għall-ħelsin mill-arrest u għalhekk ir-raġel se jkun qiegħed jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija