Il-partit Momentum qal li qed jara sinjali li Malta tinsab lesta għal alternattiva politika ġdida, wara żieda fid-donazzjonijiet żgħar li rċieva fl-aħħar jiem.
F’stqarrija, il-partit sostna li dan isegwi azzjonijiet mill-awtoritajiet biex jitneħħa materjal promozzjonali tiegħu mit-toroq, iżda qal li r-rispons tal-pubbliku kien “l-oppost ta’ dak li kien mistenni”.
Momentum qal li dawn id-donazzjonijiet kienu kruċjali biex il-kampanja tkompli għaddejja, b’mod partikolari biex it-timijiet tiegħu jibqgħu attivi u jilħqu lill-familji madwar il-pajjiż.
Fi tmiem il-ġimgħa, kandidati tal-partit żaru diversi lokalitajiet fosthom Birkirkara, Ħal Luqa, il-Mosta, is-Swieqi u s-Siġġiewi, fejn qassmu l-gazzetta tal-partit li tispjega l-prinċipji ewlenin tiegħu, inkluż governanza tajba, ekonomija ġusta u ħarsien tal-ambjent.
Is-Segretarju Ġenerali Mark Camilleri Gambin qal li waqt dawn l-attivitajiet inħass interess ġenwin minn parti tal-pubbliku għal alternattiva ċentrali li tpoġġi liċ-ċittadin qabel il-partiti tradizzjonali.
Huwa rringrazzja wkoll lil dawk li għamlu donazzjonijiet, u qal li dawn jgħinu biex il-vuċi tal-partit tibqa’ tinstema’.
Momentum sostna li se jkompli bl-attivitajiet tiegħu tul ix-xahar li ġej, hekk kif jipprova jikkontesta dak li sejjaħ bħala d-duopolju politiku fil-pajjiż.