Wara t-tħabbira uffiċjali tal-elezzjoni ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg għamel l-ewwel indirizz tiegħu fejn sostna li l-pajjiż jinsab f’mument kruċjali u li hemm bżonn ta’ bidla biex Malta tieħu “nifs ġdid”.
Borg qal li jinsab lest, flimkien mat-tim tiegħu, biex imexxi lill-pajjiż b’viżjoni ġdida u ekonomija b’saħħitha, filwaqt li enfasizza li din l-elezzjoni mhix biss dwar il-poter jew il-kampanja politika, iżda dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Huwa sostna li l-mistoqsija ewlenija mhix jekk l-ekonomija hix sejra tajjeb, iżda jekk it-tkabbir ekonomiku hux qed jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fil-kummenti tiegħu, Borg irrefera għal diversi sfidi li, skontu, qed jaffettwaw lin-nies, fosthom iż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Qal li ħafna qed iħossu li l-paga tidħol iżda tispiċċa malajr, filwaqt li ż-żgħażagħ qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Huwa semma wkoll il-pressjoni li qed iħossu l-familji biex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum u t-trobbija tat-tfal, u sostna li dawn huma realtajiet li jridu jiġu indirizzati b’mod serju.
Minkejja dan, Borg ammetta li l-ekonomija tal-pajjiż hija b’saħħitha u qal li għandha tiġi protetta u msaħħa, filwaqt li jinbena fuq dak li diġà nkiseb.
Huwa ddeskriva l-elezzjoni bikrija bħala opportunità għal riflessjoni nazzjonali, u qal li pajjiż b’saħħtu jibni fuq fiduċja fl-istituzzjonijiet u fuq trasparenza fl-użu tal-flus pubbliċi.
Borg temm jgħid li l-politika għandha terġa’ ssir mezz ta’ servizz u verità, u appella lill-elettorat biex jagħmel għażla li, skontu, tista’ tiddefinixxi l-futur tal-pajjiż.
“Ejja nagħtu nifs ġdid lil Malta,” qal Borg.