Il-kampanja kontra r-riformi tal-gvern magħrufa bħala x-"xewqat tal-iżviluppaturi” se tkompli topponi l-abbozzi ta’ liġijiet proposti, qalu numru ta' għaqdiet.
Fi stqarrija wara l-intervista tal-Prim Ministru Robert Abela nhar il-Ħadd, l-għaqdiet wara l-kampanja qalu li, kuntrarjament għal dak li kien maħsub qabel, ir-riformi ma tpoġġewx fil-ġenb b’mod kwiet.
Il-Ħadd li għadda, Abela ddefenda l-liġijiet tal-ippjanar u insista li dawn għandhom l-għan li “joħolqu stabbiltà”.
Nhar it-Tnejn, l-għaqdiet ikkundannaw l-insistenza ta’ Abela li tingħata amnestija lil strutturi illegali, anke f’żoni ODZ.
“Filwaqt li l-Prim Ministru ddikjara li l-gvern se jnaqqas mill-portata tar-riforma tal-ippjanar proposta f’Lulju, il-kampanja tixtieq tenfasizza li sa mill-aħħar protesta tagħha fl-aħħar ta’ Ottubru, u minkejja wegħdiet ripetuti mill-gvern, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar id-direzzjoni li qed tieħu r-riforma.”
L-għadqdiet qalu li fid-dawl tal-kampanja ta’ PR qarrieqa li qed iddur madwar l-abbozzi ta’ liġijiet, Ġustizzja għal Artna ma tistax ħlief tasal għall-konklużjoni li r-riforma għadha theddida għas-settur tal-ippjanar.
“Għaldaqstant, il-pubbliku huwa mistieden ikun lest biex jerġa’ jipparteċipa f’azzjoni kollettiva sabiex jitħares kontra din it-theddida bla preċedent għall-ambjent tagħna u għall-kwalità tal-ħajja.”
L-istqarrija kienet iffirmata mir-Ramblers’ Association of Malta, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta, Wirt Għawdex, Għawdix, Flimkien għal Ambjent Aħjar, u Front Żgħażagħ għall-Ambjent.