Fl-indirizz tiegħu tal-ewwel tas-sena, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Forti ta' Tigné se jingħaqad mal-lista tal-postijiet storiċi li se jsiru park nazzjonali.
"Wirt kulturali ta’ valur nazzjonali u internazzjonali li determinat li nsalvawh milli jiġi żviluppat u jintradd lura lill-poplu," qal Abela waqt l-indirizz tiegħu fuq Manoel Island, post ieħor li se jsir park nazzjonali flimkien ma' White Rocks u l-Forti Campbell. Ftit ġimgħat ilu l-gvern ħabbar konsultazzjoni pubblika fejn inkluda tfal fuq kif it-tliet postijiet se jinbidlu.
Abela tkellem fuq proġetti importanti oħra li se jiġu implementati fl-2026, bil-bini ta' Sptar ġdid għas-Saħħa Mentali li se jifforma parti mill-Isptar Mater Dei, flimkien mal-bini tad-Dipartiment tal-Emerġenza li se jkun akbar minn dak li hemm. Proġett ieħor fl-istess qasam huwa l-bidu tal-proċess ta' bini ta' sptar speċjalizzat għall-kura intermedjata b' 300 sodda għall-anzjani ta' San Vinċenz de Paul.
Il-Prim Ministru qal li se jitnieda wkoll il-Masterplan tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, kif ukoll aktar investiment f'faċilitajiet sportivi bħat-tlestija tat-trakka tal-karozzi f'Ħal Far. Hu kompla, fejn qal li se jkomplu "nimbuttwa" għall-proġetti tar-reklamazzjoni tal-art bħal dak li qed jitwettaq fil-Freeport.
Waqt id-diskors tiegħu, Abela semma l-progress ekonomiku ta' Malta, b'referenza għal ċertu miżuri bħaċ-childcare b'xejn, trasport pubbliku kemm tal-art u kemm tal-baħar b'xejn, sussidji tal-enerġija u l-ikbar miżura mill-baġit tat-tnaqqis ta' taxxa għall-familji.
Huwa kompla fejn qal li Malta se tħares 'il quddiem f'numru ta' setturi bis-saħħa ta' riformi. Hu ta l-eżempju tal-Viżjoni Malta 2050 li hu ddiskriva bħala viżjoni bbażżata fuq tliet miri: "Li nitilgħu mal-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fl-iżvilupp uman; li d-dħul tal-familji tagħna jaqbeż b'terz dak ta' familja medja Ewropea; u li f'pajjiżna jkollna livell ta' sodisfazzjon bil-ħajja fost l-aqwa ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea."
Abela għamel referenza għall-kuntest politiku internazzjonali fejn qal li, "Malta baqgħet sovrana, tirrispetta l-Kostituzzjoni tagħha u komplejna ngħixu fil-paċi u l-progress soċjali," imbagħad għalaq billi qal li Malta qatt mhu se tieqaf taħdem għall-paċi.