“Ġustizzja għal Artna”: numru kbir ta’ nies jipprotestaw kontra r-riformi tal-ippjanar
Protestanti jakkużaw lill-Gvern li qed jaġixxi favur il-kuntratturi
minn Jaelle Borg
Numru kbir ta’ ċittadini niżlu fit-toroq tal-Belt Valletta nhar is-Sibt filgħodu biex jipparteċipaw f’waħda mill-akbar protesti ambjentali tas-snin riċenti. Il-messaġġ tagħhom kien wieħed ċar u dirett: il-gvern għandu jirtira immedjatament ir-riformi proposti fil-liġi tal-ippjanar. Il-protesta, li għaddiet minn Pjazza Tritoni sa quddiem il-binja tal-Prim Ministru f’Kastilja, saret taħt il-motto “Ġustizzja għal Artna” u kienet immarkata minn sentiment ta’ rabja qawwija kontra l-mod kif il-gvern qed jittratta s-settur tal-iżvilupp.
F’taħdidiet quddiem Kastilja, diversi kelliema minn għaqdiet mhux governattivi esprimew id-diżappunt tagħhom lejn il-mod kif il-Gvern mexa ‘l quddiem b’żewġ abbozzi ta’ liġi – Bill 143 u Bill 144 – mingħajr ebda forma ta’ konsultazzjoni pubblika jew diskussjoni mal-NGOs. Dawn il-liġijiet se jagħtu aktar setgħat diskrezzjonarji lill-bordijiet tal-ippjanar biex jidddevjaw minn policies stabbiliti, inaqqsu b’mod drastiku l-possibbiltà li l-Qrati jirtiraw permessi ta’ żvilupp u jillimitaw l-appelli għal dawk li jkunu ressqu oġġezzjoni uffiċjali qabel l-approvazzjoni tal-proġett.
Andre Callus, f’isem Moviment Graffitti, tkellem b’ton entużjast u qal li l-protesta bagħtet messaġġ ċar lill-Gvern: “Ma tistgħux tgħadduha biċ-ċajt mal-poplu.” Skont Callus, il-Gvern għamel żball kbir meta ppubblika l-abbozzi ta’ dawn il-liġijiet f’nofs is-sajf, taħt il-preżunzjoni li ħadd ma kien se jagħti kashom jew jirreaġixxi.
Hu qal li issa l-Gvern għandu żewġ għażliet: jew iwaqqaf immedjatament dawn ir-riformi, jew jagħmel żball ieħor. Callus wissa li s-socjetà hija lesta li terġa’ timmobilizza ruħha jekk il-Gvern jibqa’ jagħmel ta’ rasu. Hu appella lill-protestanti biex jibqgħu determinati, u qal li għandhom il-poter biex iwaqqfu “l-ħażen li ġej mill-Gvern.”
Caroline Caruana, residenta minn Wied il-Għajn, esprimiet id-diżappunt tagħha fil-konfront ta’ dak li sejħet bħala qerda sistematika ta’ Malta. “Qegħdin hawn għax ma nistgħux nibqgħu nħarsu passivi lejn pajjiżna jitlef kull valur naturali u komunitarju, ġebla ġebla u siġra siġra,” qalet Caroline waqt protesta pubblika. Hija wissiet li dak li qed jiġi ppreżentat bħala riforma fl-ippjanar huwa, fil-fatt, “pedina ta’ mewt fuqna” li qed iċaħħad liċ-ċittadini mid-dritt fundamentali li jgħixu f’ambjent b’saħħtu u b’dinjità. “Dawn il-liġijiet jistgħu jbiddlulna r-realtà b’mod drammatiku – tqum filgħodu u flok tħares lejn il-kampanja, issib għexieren ta’ sulari quddiemek,” żiedet tgħid.
Min-naħa tagħha, Astrid Vella mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar saħqet fuq il-bżonn li nipproteġu l-ftit spazji ta’ mistrieħ u rikreazzjoni li fadal. “Ma nistgħux nippermettu li kull biċċa art tingħata għall-iżvilupp, għax hekk inkunu qed neqirdu dak li jagħmel ħajjitna sostenibbli,” qalet Vella. Hija spjegat kif iż-żieda kontinwa ta’ lukandi mhux biss qed tħalli impatt fuq l-ambjent, iżda qed toħloq pressjoni kbira, hekk kif iktar ħaddiema jiġu mitluba jaħdmu f’dan is-settur u jkollhom bżonn fejn jgħixu.
Ingram Bondin, President tal-Assoċjazzjoni tar-Ramblers, fakkar kif wara l-protesta “Xebbajtuna” fl-2023, il-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed li se jintroduċi regoli li jipprevjenu li x-xogħol fuq proġetti kontroversjali jibda qabel ma jintemmu l-appelli. Bondin qal li din il-wegħda ġiet injorata kompletament, u l-gvern issa qed juża r-reklamar biex jnessi l-wegħdiet tiegħu. Il-kliem tiegħu wassal għal tgergir qawwi mill-folla li kienet diġà evidenti rrabjata bl-iżviluppi riċenti.
Bondin temm bi twissija ċara lill-Prim Ministru: "Din il-protesta hija biss il-bidu. U se nibqgħu għaddejjin, sa lejlet l-elezzjoni jekk ikun hemm bżonn."
