In-nisa jistħoqqilhom kura tas-saħħa, ‘mhux data tal-qorti,’ tgħid attivista favur l-abort
Nies jinġabru quddiem il-qrati sabiex jimmarkaw il-Jum Internazzjonali tal-Abort Sikur u jikkundannaw il-projbizzjoni kważi totali tal-pajjiż
minn Ilenia Debono
L-avveniment saħaq fuq il-każ ta’ mara li din is-sena ngħatat sentenza sospiża ta’ ħabs wara li kellha abort mediku fid-dar. Din kienet ġiet irrappurtata mit-tobba wara li fittxet kura medika minħabba kumplikazzjonijiet li qamu.
L-organizzaturi qalu li l-manifestazzjoni kienet sinjal ta’ solidarjetà ma’ dawk imġiegħla jfittxu l-abort fis-skiet u sejħa għal riforma legali urġenti, inkluż id-dekriminalizzazzjoni sħiħa tal-abort kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-professjonisti tas-saħħa.
Skont l-attivista favur l-abort Isabelle Stabile, ġinekologa, kważi 600 mara f’Malta kellhom abort fl-2024, żieda ta’ 15% fuq is-sena ta’ qabel, li kienet diġà rat żieda ta’ 20% fuq is-sena ta’ qabel.
L-abort għadu illegali f’Malta, bil-bidliet introdotti fl-2023 kienu biss biex jagħtu ċertezza legali lit-tobba li jistgħu jtemmu tqala jekk il-ħajja tal-mara tkun fil-periklu. Il-abbozz oriġinali kien jinkludi wkoll eżenzjoni għal ċirkustanzi fejn is-saħħa tal-mara tkun mhedda, iżda din eventwalment tneħħiet mill-verżjoni finali.
“Jistħoqqilhom kura tas-saħħa, mhux pulizija jew proċess kriminali”
Il-gazzetta oħt, MaltaToday tkellmet ma’ Christine Cassar, waħda mill-organizzaturi tal-avveniment, dwar għaliex qalu li issa kien iż-żmien propizju għall-azzjoni. Hija qalet li kien kruċjali għal żewġ raġunijiet: “L-ewwel nett, biex nuru solidarjetà. Din il-mara, u l-eluf ta’ oħrajn li kellhom ifittxu abort fis-skiet jew barra minn Malta, jistħoqqilhom kompassjoni, mhux l-irbit tal-pulizija. Jistħoqqilhom kura tas-saħħa, mhux data fil-qorti. Din il-protesta hi stqarrija pubblika kontra dik l-istigma u l-biża’.”
Cassar kienet qed tirreferi għal sentenza ta’ Lulju ta’ din is-sena, fejn mara ta’ 28 sena ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li kellha abort. Il-qorti semgħet li l-mara kienet fittxet kura medika f’Novembru 2024 wara li sofriet uġigħ, waqt li qalet lit-tobba li kienet temmet it-tqala tagħha b’pilloli mixtrija online. Aktar tard ġiet mixlija u ngħatat sentenza ta’ 22 xahar ħabs, sospiża għal sentejn.
Id-deċiżjoni qanqlet rabja fost il-gruppi favur id-drittijiet riproduttivi u sejħiet mill-ġdid għal riforma legali. Dan kien it-tieni punt li Cassar qalet kien kritiku: “Dan il-każ hu wake-up call. Juri li l-liġi preżenti ma tipprevjenix l-abort; tagħmel biss li tippenalizza u ttraumatizza lin-nies, u sservi biss biex iġġiegħelhom ifittxu kura taħt l-art jew barra minn Malta.”
Cassar qalet li l-grupp kien qed isejjaħ għad-dekriminalizzazzjoni sħiħa tal-abort. “Dan ifisser li l-ebda mara jew persuna tqila, u l-ebda professjonist mediku li jassistiha, qatt ma jkollu jaffaċċja akkużi kriminali jew ħabs minħabba abort.” Hi qalet li bidla bħal din tkun immedjata u profonda, u tintemm il-“klima tal-biża’” li ġġiegħel lin-nies isikktu u jaħbu.
Barra minn hekk, Cassar qalet, it-tobba jkunu jistgħu jipprovdu kura ta’ wara abort b’kompassjoni mingħajr biża’, u n-nisa jkunu jistgħu jfittxu parir mingħajr biża’ ta’ prosekuzzjoni.
“Fl-aħħar mill-aħħar, id-dekriminalizzazzjoni sħiħa tfisser li l-gvern fl-aħħar juri fiduċja fin-nies biex jieħdu d-deċiżjonijiet mediċi privati tagħhom flimkien mat-tobba tagħhom, ħielsa mill-theddida ta’ kriminalizzazzjoni. Huwa l-ewwel pass essenzjali biex nimxu minn sistema ta’ kastig għal waħda bbażata fuq kura u kompassjoni,” qalet Cassar.
F’Awwissu, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li jikkunsidra jemenda l-Att dwar is-Sigriet Professjonali biex it-tobba jkunu eżentati milli jirrapportaw lin-nisa li jfittxu kura ta’ wara abort, sakemm il-mara ma tagħtix il-kunsens tagħha. Cassar qalet li dan ikun pass żgħir iżda fl-aħħar mill-aħħar “jonqos milli jilħaq” dak li verament hemm bżonn.
“Dan ma jipproteġix lin-nisa milli jiġu rrappurtati minn nies oħra mhux professjonisti. Dawn jistgħu jkunu sħab imdejqin, membri tal-familja jew oħrajn fil-ħajja personali tagħhom li jistgħu jfittxu li jivvendikaw kontrihom,” qalet, u żiedet li l-fokus fuq is-sigriet “filwaqt li jitħalla l-abort bħala reat huwa disservizz profond. Essenzjalment qed taħbi l-problema minflok issolvih. Ma jagħmel xejn biex jindirizza l-inġustizzja fundamentali: li n-nisa f’Malta għadhom jitqiesu bħala kriminali għax jieħdu deċiżjonijiet dwar is-saħħa tagħhom.”
Madanakollu, Cassar qalet li lil hinn minn tibdil legali, Malta għandha bżonn “bidla profonda minn ġudizzju għal empatija.” Hi qalet li dan jista’ jinkiseb biss billi nisimgħu r-raġunijiet veri u diffiċli għaliex in-nies ikollhom bżonn abort.
“Għandna bżonn normalizzaw dawn l-istejjer. Hu stmat li madwar 500 persuna minn Malta kull sena jkollhom abort. Dan ifisser li statistiċament kull wieħed u waħda minna jaf u jħobb lil xi ħadd li kellu abort. Fil-klima preżenti, jistgħu sempliċement ma jħossuhomx siguri biex jgħidulna. Dan għax l-istigma sfurzathom fis-skiet.”
Ħafna nies qasmu l-istejjer tagħhom b’mod anonimu fuq il-website *Break the Taboo Malta*. Cassar qalet li jkomplu jħeġġu lin-nies jaqraw u jaqsmu dawn l-istejjer. “Meta n-nies isiru jafu storja personali, jifhmu li l-abort mhux dibattitu politiku astratt; hu deċiżjoni profondament personali li ħafna drabi tittieħed f’ċirkustanzi kiefra.”
Cassar ammettiet li l-abort huwa kwistjoni kumplessa. Madankollu, hi żiedet: “Huwa eżattament għax hu kumpless li għandna bżonn qafas legali bbażat fuq fiduċja u kompassjoni, mhux kastig.”
Hi insistiet li l-bidla kulturali u l-bidla legali jridu jsiru flimkien.
Meta indirizzat lill-klassi politika, Cassar qalet li l-messaġġ kien ċar. “Isimgħu jew aqraw l-istejjer reali tan-nisa. Ikollkom il-kuraġġ titkellmu dwar din il-kwistjoni fi ħdan il-partiti politiċi tagħkom, fil-midja, u l-aktar importanti fil-parlament. Tħallux din ir-responsabbiltà. Aħna qegħdin hawn biex nipprovdulekom l-għarfien u l-appoġġ biex tagħmlu l-ħaġa t-tajba.”
Barra minn hekk, Cassar qalet li lil kull persuna li kellha abort, huma joffru messaġġ ta’ solidarjetà. “Aħna magħkom. Aħna nimxu għalikom. Anke jekk ma tistgħux tkunu magħna llum, qed inġorru l-istejjer tagħkom magħna. U ma nieqfux sakemm id-dritt tagħkom għall-abort jiġi rikonoxxut, u l-ġustizzja fl-aħħar tintlaħaq.”
