Il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, stqarr li l-PN għandu jkollu viżjoni usa’ milli sempliċiment ikun partit kontra l-korruzzjoni, waqt intervista fuq Campus103.7 ma’ Andrew Azzopardi.
Borg, l-iżgħar mexxej fl-istorja tal-PN, spjega li meta jmexxi l-partit issa jħossu iktar entużjast u motivat. F’intervista li damet siegħa sħiħa, Borg tkellem dwar diversi suġġetti li jolqtu l-politika u l-ħajja pubblika f’Malta.
Hu semma l-istat attwali tal-politika f’pajjiżna u kkritika lill-Prim Ministru Robert Abela, li skont Borg, qed jilgħab bl-idea ta’ elezzjoni bikrija li tista’ tqiegħed lill-pajjiż f’instabbiltà. “Għandna gvern li huwa aktar iffukat fuq li jżomm il-poter milli fuq l-istabbiltà,” qal Borg.
Huwa kkritika wkoll lit-tnaqqis tas-setgħat tal-kunsilli lokali u l-mod kif il-gvern jaspira li dawn jibqgħu sottoposti għall-ministeri meta jkun hemm bżonnijiet fil-lokalitajiet.
Dwar infrastruttura u trasport, Borg qal li ma jemminx li mina jew pont lejn Għawdex jipprovdu soluzzjoni fit-tul għall-gżira, u żied li l-prijorità hija li tittejjeb is-sistema tat-trasport bejn Malta u Għawdex.
Meta mistoqsi dwar il-pożizzjoni politika tiegħu, Borg spjega li hu konservattiv prinċipalment fuq kwistjonijiet relatati mal-ħajja bħall-ewtanasja u l-abort, u faħħar il-PN għax-xogħol fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Hu wiegħed li se jkompli jsaħħaħ dawn id-drittijiet u żied li se jattendi l-Pride March ta’ din is-sena.
Dwar l-iżvilupp urban, Borg qal li se jattendi protesta kontra r-riformi tal-ippjanar biss jekk ma jkollux impenji oħra, u kkritika lill-gvern talli jipprova jissostitwixxi l-proċess regolari bil-pressjoni politika. Filwaqt li ma għandu l-ebda problema ma’ ċuċati żgħar, Borg iddubita l-motivi ulterjuri tal-gvern wara r-riformi proposti.