Il-Prim Ministru Robert Abela ma aċċettax ir-riżenja ta' Byron Camilleri wara serqa ta' 200kg droga fil-barrakki tas-AFM f'Ħal Safi.
Abela kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-aħbar xokkanti tal-ħadd, li wasslet biex Camilleri joffri r-riżenja tiegħu.
Il-Prim Ministru sostna li ma jaċettax ir-riżenja ta' Camilleri għax dan huwa "maghruf għas-serjetà, l-integrità u l-mod professjonali kif jaħdem."
Hu nnota li Camilleri ma kellu l-ebda sehem fid-deċiżjoni ta' kif il-container kien qed jinżamm, u lanqas fil-fatt ta' kif d-droga nsterqet.
Abela qal li se jaħtar inkjesta amministrattiva li se titmexxa parallelament mal-investigazzjoni tal-Pulizija u l-inkjesta maġisterjali. Hu qal li t-termini ta' referenza se jitħabbru aktar tard, flimkien mal-membri tal-bord li se jmexxi l-inkjesta.
Meta mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet, Abela sostna li ma setax jikkummenta fl-isfond, għax inkella jkun qed jippreġudika l-proċess.
Il-Prim Ministru kompla jiddefendi lil Camilleri, u saħaq li matul il-ħames snin li ilu jmexxi l-Ministeru tal-Intern, "kellna suċċess kbir."
Mistoqsi jekk hux inkwetat dwar l-istat tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM), Abela qal li huwa grat għas-servizz tagħhom, u s-suċċess li kisbu, partikolarment fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali.
Il-PN: Abela tilef l-awtorità morali
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kkundanna r-rifjut ta’ Abela li jaċċetta r-riżenja ta’ Camilleri, u sostna li dan ikompli jikkonferma d-dgħufija tiegħu bħala mexxej u n-nuqqas ta' awtorità morali biex jieħu azzjoni meħtieġa.
Il-PN esprima r-rabja tiegħu li kwantità tant kbira ta' droga, li kellha tkun sigura bħala evidenza f'każ kriminali, spiċċat f'idejn il-kriminali.
Il-Partit insista li inkjesta amministrattiva mhix biżżejjed u talab tweġibiet dwar min kien sid id-droga misruqa, x’nuqqasijiet fis-sigurtà wasslu għas-serqa, x’kien il-valur tas-suq tad-droga misruqa, f’liema każ kriminali kienet l-evidenza, u x’passi konkreti se jittieħdu issa li l-evidenza ewlenija spiċċat mitlufa.
Il-PN reġa sejjaħ għar-riżenja ta' Camilleri, u saħaq li l-pożizzjoni tiegħu mhix aktar tenibbli, flimkien ma' dik tas-Segretarju Permanenti tiegħu.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech talab laqgħa parlamentari urġenti biex tkun diskussa s-serqa tal-200kg droga.