Clyde Caruana u Ian Borg fuq quddiem f’sondaġġ dwar il-Ministri
Il-Ministri kollha ngħataw iktar minn 5 punti minn 10. L-inqas li marru tajjeb huma Anton Refalo, Jonathan Attard, Clint Camilleri u Roderick Galdes
minn Staff Reporter
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jinsab bi żbrixx fuq quddiem bħala l-iktar Ministru li l-ħidma tiegħu hi ġġudikata tajba mill-elettorat. Dan joħroġ minn sondaġġ li kkoinċida mal-ewwel pagi li kienu jinkludu t-tnaqqis tat-taxxa mħabbra fil-baġit.
L-istħarriġ tal-MaltaToday staqsa lil kampjun xjentifiku ta’ 672 persuna biex jivvalutaw il-prestazzjoni ta’ kull ministru fuq skala minn 0 (ħażina ħafna) sa 10 (tajba ħafna).
F’dan l-istħarriġ, Caruana ngħata medja ta’ 6.21 punt, naqra iktar minn Ian Borg, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu li ngħata 6.18-il punt.
Il-Ministru tal-Finanzi, li jżomm lura minn kwistjonijiet partiġjani u li jipproġetta l-immaġni ta’ espert, igawdi appell ikbar minn Ministri oħra fost votanti Nazzjonalisti (4.48) u dawk li mhux se jivvutaw (5.67).
Madankollu, Caruana jiġi t-tieni fost votanti Laburisti li jtuh 8.13-il punt, ħarira inqas minn Ian Borg (8.22) li f’Settembru nħatar Deputat Mexxej tal-PL. Borg huwa wkoll ħarira iktar popolari minn Caruana fost in-nisa.
Minkejja l-kontroversji li kien involut fihom fl-aħħar snin, Borg ukoll huwa wieħed mill-preferuti tal-votanti Nazzjonalisti (4.43) u ta’ dawk li mhux se jivvutaw (5.53).
Ministri oħra li jaqbżu l-medja ta’ 6 punti minn 10 huma l-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon (6.15), il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela (6.1), u l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima (6.03). Ta’ min jinnota li dawn imexxu ministeri b’dimensjoni soċjali li dwarhom ftit li xejn ikun hemm kontroversja.
Il-Ministri ġġudikati mhux ħażin
Ministru li bi żbrixx ma tidħolx mal-ewwel ħamsa hija l-Ministru tal-Enerġija u l-Ambjent Miriam Dalli li tingħata 5.84 punt mill-elettorat kollu. Però b’marka ta’ 8.01, Dalli tiġi fir-raba’ post fost votanti tal-PL. Madankollu Dalli tingħata biss 3.83 min-Nazzjonalisti u 5.39 minn dawk li mhux se jivvutaw. Jista’ jkun li Dalli kienet ippenalizzata mill-qtugħ tad-dawl fl-aħħar żewġt isjuf minħabba n-nuqqas ta’ investiment fid-distribuzzjoni tal-enerġija qabel ma saret Ministru.
Ministri oħra li l-ħidma tagħhom hi ġġudikata relattivament sodisfaċenti huma Silvio Schembri (5.71), Owen Bonnici (5.71), u Julia Farrugia (5.69). B’punteġġ inqas insibu lil Byron Camilleri (5.54) li għandu ministeru iktar kontroversjali, u Stefan Zrinzo Azzopardi (5.48) li jbati minn nuqqas ta’ viżibilità minħabba l-portafoll tiegħu li hu limitat għall-artijiet tal-Gvern.
L-istħarriġ juri sodisfazzjon ġenerali għall-prestazzjoni tal-kabinett kollu kemm hu, peress li l-ministri kollha kisbu punti ’l fuq minn 5. Barra minn hekk, 10 minn 16-il ministru kisbu marka ta’ iktar minn 5 fost dawk li bħalissa mhumiex jivvutaw.
Il-Ministri li jgħaddu bi żbrixx
Madankollu, l-istħarriġ juri wkoll xi ministri li jaqbżu l-5 punti bi żbrixx, fosthom il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo (5.05) u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard (5.07), li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.
Ministri oħra li kisbu punteġġi baxxi jinkludu lill-Ministru għall-Ippjanar u Għawdex Clint Camilleri (5.28), il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes (5.31), u l-Ministru għat-Trasport Chris Bonett (5.38).
L-inqas popolari mal-Laburisti huma l-Ministri Anton Refalo (6.9), Roderick Galdes (7.35) u Jonathan Attard (7.41).
Dan jissuġġerixxi li ministri li jkopru setturi aktar kontroversjali, bħall-Ippjanar, it-Trasport, id-Djar, u l-Ġustizzja, huma valutati b’mod inqas pożittiv meta mqabbla ma’ dawk li għandhom portafolli inqas kontroversjali.
B’mod partikolari, Jonathan Attard jidher li qed iġorr il-piż tar-riforma dwar l-inkjesti maġisterjali li kienet qed tiddomina x-xena politika waqt li kien qed isir l-istħarriġ. Attard isofri kemm minn punteġġ baxx fost in-Nazzjonalisti (2.96), u jiġi l-aħħar fost dawk li mhux se jivvutaw (4.47).
Ir-rati baxxi għall-Ministri Għawdxin Clint Camilleri u Anton Refalo jistgħu jkunu marbuta mat-tnaqqis fl-appoġġ għall-Partit Laburista f’Għawdex. Madankollu, l-istħarriġ jikkonferma l-popolarità tal-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela, li wkoll ġej minn Għawdex.
