Project Green qalet li rċeviet mhux inqas minn 14-il offerta biex il-ġonna storiċi ta’ Sant Anton f’Ħ’Attard jiġu riġenerati.
Joseph Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-istess aġenzija, qal li issa li s-sejħa tal-offerti waslet fi tmiemha, jibda immedjatament proċess ieħor. "L-offerti se jiġu evalwati minn tim ta’ esperti biex jagħżlu l-aktar waħda vantaġġuża. Se naraw li dan il-proċess ikun spedit biex malajr jibda x-xogħol f’dan is-sit storiku u ta’ importanza nazzjonali."
"Se naraw ukoll li l-aħjar offerta tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-aġenzija sabiex ix-xogħol isir skont l-arti, is-sengħa u x-xjenza, biex b’hekk inroddu lura lill-pubblikuġnien mill-isbaħ kif jixraq lil dan il-post ta’ portata nazzjonali," qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green.
Fl-aħħar xhur l-Aġenzija ħarġet 17-il sejħa għall-offerti biex jiġu implimentati bosta proġetti ambjentali mal-pajjiż kollu b’valur ta’ aktar minn €24 miljun. L-aġenzija mistennija tippubblika ħames sejħiet ġodda għall-offerti sal-aħħar ta’ Frar li se jinkludu Marsaxlokk, Bormla (eks-AUM), il-Floriana (Pinetum), il-Ħamrun u Ħal Farruġ.
Bħalissa qed jiġu evalwati 9 offerti oħra u x-xogħol fuq is-siti rispettivi mistenni jibdafil-ġimgħat li ġejjin. Fost dawn hemm proġetti f’Ħal Luqa, Ħal Għaxaq, Ħal Lija u l-Mellieħa. Barra minn hekk, hemm 6 proġetti oħra li qegħdin fil-proċess tas-sejħapubblika, apparti dawk li diġà ġew inawgurati matul l-ewwel xahar tas-sena.