L-attakk stramb fuq Joe Giglio, twissija li l-Labour jaqbillu li Azzopardi jidher viċin il-PN

Huwa magħruf huwa li minkejja li hemm elementi fl-istorja dwar Giglio li jistgħu jkunu inkwentanti, huwa fatt magħruf li l-istejjer kontra Giglio u r-rabta tiegħu ma’ ċertu Rakhat Aliyev tqanqlu minn Jason Azzopardi stess

Fl-istess jiem li l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien qed jittella’ l-Qorti fuq l-akkuża mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti li ħa ritratt tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fil-qorti stess, toħroġ storja fuq Joe Giglio l-avukat kriminal, kif ukoll deputat u kelliem Nazzjonalista. Inkredibilment l-attakk seħħ minn blogger filo Laburista u fuq il-OneTv, fuq storja antika li tmur lura 13-il sena u kienet ippubblikata mill-gazzetta oħt MaltaToday. Parti mill-istorja li Giglio kien ser jirriżenja ġiet miċħuda mill-PN stess.   

Li huwa magħruf huwa li minkejja li hemm elementi fl-istorja dwar Giglio li jistgħu jkunu inkwentanti, huwa fatt magħruf li l-istejjer kontra Giglio u r-rabta tiegħu ma’ ċertu Rakhat Aliyev tqanqlu minn Jason Azzopardi stess. Din mhux l-ewwel darba li Azzopardi ħajjar ġurnalisti jiktbu kontra Giglio. 

Intant Deputat Nazzjonalista veteran kellem lill-gazzetta ILLUM u qalilna, “Jason jogħxa u jgħix fil-kaos, jagħmel kruċjati kontra n-nies u jimla ċerti ġurnalisti u bloggers bi stejjer u informazzjoni li mhux suppost joħorġu. Għandu kontra Giglio għax dan telliflu ċ-ċans li jitla’ fit-tieni distrett tal-għażla tiegħu wara li ġie umiljat minn votanti Nazzjonalisti fir-raba’ distrett. Azzopardi huwa vokali u popolari ma’ nies tar-Repubblika imma fil-qalba tal-PN mhuwiex maħbub, anzi l-oppost.” 

Dan id-deputat li kemm-il darba safa’ taħt l-attakk ta’ Azzopardi kompla,  “Bernard għamel iż-żball ħareġ jiddefendih. Jason huwa bniedem li jdur kontrik u jużak kif irid hu. Ma għandux żejt f’wiċċu. Juża n-nies, anke klijenti tiegħu eks Laburisti li jkunu akkużati b’abbuż jew korruzzjoni biex isawwat il-Labour.  Lanqas kapaċi joqgħod kwiet u jiddistingwi bejn ix-xogħol tiegħu privat u l-kruċjati politiċi. U ma għandux mistħija, ara kif spiċċa b’Turu Azzopardi bħala l-avukat tiegħu f’dan il-każ. Lanqas jistħi u Turu lanqas għandu s-sens komun li jinduna li qed jintuża. Turu wara kollox huwa wkoll l-avukat ta’ bosta persuni mressqa kriminalment fil-każ tal-Vitals. 

Azzopardi kien ġie konfermat bħala mażun mill-gazzetta MaltaToday snin ilu u wara din l-istorja Jason Azzopardi kien wieħed minn dawk fil-PN li ħadem biex dan jitkeċċa mill-partit minħabba l-fatt li kien mażun.” 

L-istess deputat li kellimna qal li wasal iż-żmien li l-frejjeġ ta’ Azzopardi jiġu mwarrba darba għal dejjem u ma jibqgħux fuq l-aġenda politika tal-Partit Nazzjonalista u lanqas dawk Nazzjonali. 

“Jagħmel kruċjata kontra l-korruzzjoni, imma ħadd ma jgħid li HU qed jiddefendi dawn l-istess nies li huma Laburisti li kkommettew il-korruzzjoni.” 

“Ma tridx tkun għaref biex tinduna li tant hemm nies inkluż eluf ta’ Nazzjonalisti li jiddejqu b’Jason Azzopardi u anke r-Repubblika li jekk il-PN ikompli magħhom kull ċans li jista’ jkollu li jirbaħ il-votanti floaters itiru mar-riħ.  Imma qisu Bernard Grech ma fehem xejn.” 

“Bernard ma fehemx li l-Labour iridu li Jason jibqa’ marbut mal-PN biex in-nies jibqgħu ’l bogħod milli jivvutaw xi darba għall-PN. U ma fehemx ukoll li Jason irid li Giglio jisparixxi mix-xena politika.” 

 

More in Politika