Ftehim kollettiv ġdid għas-servizz pubbliku jara żieda ta’ €1.3 biljun fuq sitt snin

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li jidħol fis-seħħ f'Jannar li ġej, u li se jżid €1.3 biljun mal-pagi tal-Gvern fuq medda ta’ sitt snin

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li jidħol fis-seħħ f'Jannar li ġej, u li se jżid €1.3 biljun mal-pagi tal-Gvern fuq medda ta’ sitt snin. Dan il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2030, se jwassal għal żieda medja annwali ta’ 3.85% fil-pagi, inklużi l-allowances.

Il-ftehim se jipprovdi żidiet fil-pagi bażiċi, allowances aħjar, u l-introduzzjoni ta’ allowances ġodda. Il-paga bażika għall-iskala l-aktar baxxa (Skala 20) se tiżdied għal €1,200 'il fuq mill-paga minima, meta mqabbla mal-livell attwali ta’ €500.

Mis-sena l-ġdida, dawk li jidħlu fis-servizz pubbliku fuq Skala 20 se jimxu għal Skala 19 wara sitt xhur u għal Skala 18 wara sitt xhur oħra. Għal dawk li diġà jinsabu fuq Skala 20, it-titjib jidħol awtomatikament f'Jannar.

Ħaddiema f’pożizzjonijiet li jitħallsu bl-overtime se jibbenefikaw minn rati ta’ overtime relatati mal-iskala rispettiva tagħhom, minflok rata standard għal kulħadd kif inhi s-sistema bħalissa.

F’żieda oħra, se jiġi introdott bonus għas-servizz twil minn 2026. Fl-istess ħin, ħaddiema li jiksbu kwalifiki se jibbenefikaw minn rati aħjar sa mill-2027. Għal dawk li jiksbu lawrja ta’ Masters, żidiet se jidħlu awtomatikament f’Jannar 2025.

Barra minn hekk, ħaddiema tas-servizz pubbliku se jibbenefikaw minn rebate tat-taxxa aktar għoli fuq kontribuzzjonijiet għal skemi privati ta’ pensjonijiet.

Se jiġi mwaqqaf ukoll bord ta’ rikonċiljazzjoni biex jgħin f'tilwim li jista’ jqum.

'L-aqwa ftehim kollettiv'

Il-Prim Ministru Robert Abela iddeskriva dan il-ftehim bħala “l-aqwa wieħed li qatt intlaħaq” u “investiment” fil-ħaddiema tas-servizz pubbliku.

“Il-qagħda ekonomika b’saħħitha tal-pajjiż għamlet possibbli li jingħataw dawn iż-żidiet li jammontaw għal €1.27 biljun,” qal Abela waqt ċerimonja tal-firma fil-Berġa ta’ Kastilja.

Hu saħaq li l-Gvern huwa determinat li jtejjeb dħul għall-familji billi jittraduċi t-tkabbir ekonomiku f’benefiċċji tanġibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

“Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku huma s-sinsla tal-pajjiż,” żied jgħid Abela.

More in Politika