PM Abela jenfasizza l-ħtiega ta' ġustizzja kontra traffikanti tal-bnedmin f'laqgħa mal-Kanċillier Ġermaniż

Il-PM Abela enfasizza l-importanza tal-isforz kollettiv biex jiġi żgurat li dawn it-traffikanti jiffaċċjaw konsegwenzi legali

Il-PM Robert Abela mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Schulz
Il-PM Robert Abela mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Schulz

Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza li t-traffikanti tal-bnedmin jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-isforz kollettiv. Dan ġie artikolat waqt laqgħa mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz f’Berlin

F’laqgħa li saret fil-Kanċellerija f’Berlin, il-Prim Ministru Abela esprima l-impenn qawwi ta’ Malta biex mhux biss tfixkel l-attivitajiet tat-traffikanti tal-bnedmin iżda tiżgura li dawn jiffaċċjaw konsegwenzi legali. Meta tkellem mal-midja wara l-laqgħa, Abela tenna l-pożizzjoni proattiva ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-pjaga tat-traffikar tal-bnedmin.

Barra minn hekk, id-diskussjonijiet bejn Abela u l-Kanċillier Scholz inkludew l-estensjoni tal-appoġġ u t-trawwim ta’ djalogi ma’ pajjiżi Mediterranji bħall-Libja u t-Tuneżija, b’enfasi fuq l-għoti ta’ għajnuna u kooperazzjoni lil dawn in-nazzjonijiet rigward sfidi fosthom dawk relatati mal-migrazzjoni u t-traffikar.

Waqt il-laqgħa ġew diskussi ukoll sfidi internazzjonali, inkluż is-sigurtà tal-klima u l-irwol ta’ Malta fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Abela afferma mill-ġdid id-dedikazzjoni ta’ Malta biex tappoġġja l-paċi globali. Barra minn hekk ġie diskuss il-konnettività, partikolarjament fis-setturi ekonomiċi. 

Abela ħabbar konnetività b’saħħitha permezz tal-linja nazzjonali tal-ajru, li se tibda topera f’Marzu.

Finalment, il-Prim Ministru Abela tkellem fuq is-setturi tal-enerġija u s-sostenibbiltà ambjentali u enfasizza l-importanza tar-riċerka, l-innovazzjoni, u s-sħubijiet strateġiċi.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Abela kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja Vanni Xuereb, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

More in Politika