'Repubblika ma tafx li rċeviet donazzjoni mingħand xi ħadd li xtara ċ-ċittadinanza'

L-Għaqda nsistiet li hija kontra li barranin jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija billi jixtruha 

L-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Repubblika sostniet illi hija ma tafx li rċeviet donazzjoni mingħand xi ħadd li xtara jew li kien qiegħed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija. Repubblika insistiet dan b'reazzjoni għall-artiklu ippublikat fil-gazzetta ILLUM. F'dan l-artiklu l-ILLUM irraportat illi, skont informazzjoni mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, Repubblika kienet waħda mill-NGOs li rċeviet donazzjonijiet minn persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. 

Biex wieħed jingħata l-privileġġ ta’ ċittadinanza Maltija, hemm numru ta’ rekwiżiti li jridu jintlaħqu. Dawn jinkludu investimenti lokali, xiri jew kiri ta’ proprjetà u kontribuzzjonijiet lejn is-soċjetà Maltija. Kif spjegat ukoll fil-Parlament, mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri - li wieġeb il-mistoqsija Parlamentari fuq dan ir-rigward - il-liġi tistipula li qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza, l-applikanti huma obbligati li jagħtu donazzjoni ta’ xejn inqas minn €10,000 lil organizzazzjonijiet jew soċjetajiet mhux governattivi filantropiċi, kulturali, sportivi, xjentifiċi, tat-trattament xieraq tal-annimali jew artistiċi li jkunu irreġistrati jew kif approvat mod ieħor mill-Aġenzija Komunità Malta. 

Repubblika iddikjarat li hija, bħalma stqarret qabel, hija kontra barranin li jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija billi jixtruha. "Hu l-Gvern li jobbliga lil min japplika biex jixtri ċ-ċittadinanza Maltija li tiddikjara li ta donazzjoni lil organizzazzjonijiet Maltin. Repubblika qatt ma ġiet informata li xi ħadd iddikjara li taha donazzjoni bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu taċ-ċittadinanza," qalet Repubblika.  

More in Politika