Clyde Caruana jibqa’ jittama li jsalva lill-Air Malta... Jitfantas bid-dikjarazzjoni tal-Kap Eżekuttiv

Sorsi viċin il-Gvern qalu li Caruana tfantas għax ma' kienx jaf bid-dikjarazzjoni pubbika li kien se jagħmel il-Kap Eżekuttiv propju għaliex kien għadu qed jittama li l-Air Malta tista’ tkun salvata 

Clyde Caruana tfantas bid-dikjarazzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi f’nofs il-ġimgħa li l-kumpanija se tagħlaq sal-aħħar tas-sena, l-ILLUM hi infurmata. 

Il-Ministru tal-Finanzi ma’ kienx jaf bid-dikjarazzjoni pubblika li kien se jagħmel Curmi, għalkemm din l-aħbar kienet diġà ngħatat mill-gazzetta oħt MaltaToday ix-xahar li għadda. 

Sorsi viċin il-Gvern qalu li Caruana tfantas għax għadu qed jittama li l-Air Malta tista’ tkun salvata permezz tal-aħħar sforzi li qed jagħmel il-gvern mal-Kummissjoni Ewropea. 

“Iċ-ċans hu remot, imma Caruana għadu ma qatax qalbu minkejja li l-Kummissjoni Ewropea qed tkun diffiċli ma’ Malta u lanqas qed tikkunsidra l-implikazzjonijiet għall-pajjiż,” is-sorsi qalu. 

Mitlub jikkummenta fuq dak li qal Curmi, Caruana insista li għalissa mhux se jitkellem għax għad fadal numru ta’ laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, sostna li se jkun qed jinforma lin-nies u l-Parlament b’kull dettal ladarba t-taħdidiet jingħalqu. 

Is-sorsi qalu li Caruana qed jenfasiżża ma’ Brussell li mingħajr linja nazzjonali, Malta tkun f’sitwazzjoni diffiċli u dipendenti fuq kumpaniji ta’ l-ajru privati. 

Skont is-sorsi Caruana qed jargumenta li Malta hija gżira u l-Kummissjoni trid tikkunsidra dan il-fatt. Hu qed jindika kif il-Gvern ħa l-passi kollha biex il-kumpanija tkun ristrutturata, tnaqqas in-nies u taqta’ l-ħela. 

“Għad fadal numru ta’ laqgħat skedati mal-Kummissjoni fejn il-Ministru Caruana qed jittama’ li jiżblokka s-sitwazzjoni,” is-sorsi sostnew. 

Madankollu, l-istess sorsi qalu li diġà saru laqgħat interni biex jiġi mfassal isem u imaġini għal kumpanija ġdida, inkluż diskussjoni fuq isem ġdid. Il-gvern irid li l-kumpanija ġdida timpjega l-istess ħaddiema, inkluż il-piloti, li hemm bħalissa mal-Air Malta. 

“Dak li qal Curmi mhux il-bogħod mill-verità imma Clyde Caruana ħass li qabeż il-linja meta t-taħdidiet għadhom mhux magħluqa,” is-sorsi qalu. 

Caruana kien diġà qal is-sena li għaddiet meta vara r-riforma fl-Air Malta li l-linja nazzjonali ma kienx se jirnexxielha ssalva mingħajr injezzjoni ta’ fondi statali. Fl-2022 Caruana ħabbar skema ta’ trasferiment volontarju biex ħaddiema tal-Air Malta jmorru jaħdmu fis-settur pubbliku bil-għan li jnaqqas mill-infiq tal-kumpanija.  

‘Ninsabu fid-dlam bħal-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi’  

Intant din il-gazzetta, b’reazzjoni għall-aħbar tal-għeluq tal-Air Malta għamlet kuntatt mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union  (GWU) Josef Bugeja. Bugeja sostna illi fil-laqgħat li kellha l-unjin mal-Gvern irriżulta illi n-negozjati bejn il-Gvern u l-Kummissjoni kienu għadhom mhux iffinalizzati u għaldaqstant ma ġiex diskuss x’se jiġri fil-każ li l-Air Malta tagħlaq il-bibien tagħha. 

Kien għalhekk illi malli semgħet l-aħbar, il-GWU sejħet laqgħa urġenti mal-Ministru Caruana biex ikun jista’ jiġi diskuss il-pass li jmiss xi jkun. 

Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ xi membri tal-ekwipaġġ li sostnew li l-impjegati jinsabu fid-dlam bħal bqija tal-poplu Malti u Għawdxi u ma humiex infurmati dwar il-futur tal-kumpanija li tħaddimhom.  

L-ILLUM ippruvat tagħmel kuntatt mal-Unjin għall-Membri tal-Ekwipaġġ kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) iżda baqgħet bla risposta. 

More in Politika