‘Il-poplu jibża’ mill-kelma abort, għalhekk huwa fi dmirna li ngħidu l-verita’

Bidliet fil-liġi, dibattiti nazzjonali u saħħa riproduttiva aħjar. Dawn huma t-tliet miri tal-Avukati favur l-Għażla. L-ILLUM tintervista lil Emma Portelli Bonnici, membru ċentrali tal-grupp ta’ avukati  

“Sejħu t-terminazzjoni tat-tqala dak li hi, abort.” Hekk qalet l-avukat Emma Portelli Bonnici li flimkien mal-ko-fundaturi Jenny Orlando-Salling u Desiree Attard ħolqu Avukati favur l-Għażla, komunità ta’ avukati fi ħdan fi ħdan il-koalizzjoni favur l-għażla.  

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Portelli Bonnici u staqsiet dwar il-ħidma tal-Avukati, it-tifsira ta’ terminazzjoni ta’ tqala u l-aċċess għall-kontraċettivi.  

‘Il-liġi mhix iswed jew abjad biss. Kieku ma kinitx interpretabbli, ma kienx ikollna Imħallfin’ 

Il-punt ta’ tluq ta’ din l-intervista kien dwar il-ħolqien ta’ din il-komunità ta’ avukati. B’tant attivisti u għaqdiet mhux governattivi li huma ‘pro-choice’ għaliex Orlando-Salling, Attard u Portelli Bonnici ħassew li hemm bżonn li jiffurmaw għaqda? X’kien hemm nieqes fis-soċjetà ċivili?  

Portelli Bonnici sostniet illi huwa minnu li l-moviment favur l-abort għandu rappreżentanza fierxa fis-soċjetà, madankollu spjegat illi f’termini legali l-uniku grupp li seta jqajjem dibattiti dwar din il-kwistjoni kienu grupp ta’ avukati favur il-ħajja. B’hekk, żiedet tgħid, li nħoloq aktar bilanċ u l-poplu “issa jista' jiġi infurmat legalment miż-żewġ naħat.”  

Hija sostniet illi biex l-informazzjoni li tasal għand in-nies tkun korretta, tkun xi tkun il-pożizzjoni, huwa importanti li ssir minn professjonisti li huma informati, għamlu r-riċerka u li huma atrezzati biex iqajmu diskussjonijiet li jistgħu jtejbu l-konsultazzjoni pubblika.  

“Jekk jiena nħossni ma niflaħx, immur għand tabib. Minħabba l-fatt li t-tabib għamel snin ta’ studju biex ikun jista’ jagħti kura lill-pazjent, jiena għandi s-serħan tal-moħħ li se jagħtini servizz tajjeb. L-istess fejn għandhom x’jaqsmu l-argumenti dwar il-leġislazzjoni, f’termini ta’ abort,” spjegat Portelli Bonnici.  

Kompliet tgħid li kien għalhekk li nħolqot Avukati favur l-għażla, biex isservi ta’ mekkaniżmu li tiċċara punti legali, tivverifika jekk fatti legali li qed jitressqu fil-pubbliku dwar il-kostituzzjoni humiex veritiera u f’każ li jekk ikun hemm spazju għal dibattitu legali, dan isir minn professjonisti li għandhom t-tagħrif legali.  

Saħqet li l-liġi mhix iswed fuq abjad iżda hija interpretabbli, “li kieku m’hijiex, ma kienx ikollna l-imħallfin li jagħtu s-sentenzi skont is-sitwazzjoni u r-reat.” 

L-ILLUM tistaqsi, “iżda Avukati favur l-Għażla, se tiddibatti mal-avukati biss?” 

Portelli Bonniċi qalet illi l-irwol tal-Avukati mhux biex jiddibattu biss. Qalet li mit-twaqqif tagħhom, it-tliet avukati insistew mal-Gvern illi l-emenda tal-liġi dwar it-terminazzjoni tat-tqala kellha bżonn konsultazzjoni aktar wiesgħa, “ħaġa li qablu magħha wkoll għaqdiet li huma favur il-ħajja.”  

Enfasizzat li jekk liġi se timpatta lil diversi nies u setturi, anke jekk ma tkunx dwar it-tqala, għandha tkun ikkonsultata mill-istakeholders kollha, jaqblu jew ma jaqblux.  

Din il-gazzetta staqsiet ukoll x’inhuma l-pjanijiet tagħhom għas-snin li ġejjin u qalet illi bla dubju iridu jkunu aktar preżenti fid-dibattiti nazzjonali. Qalet li tixtieq tara li jkun hemm terminoloġija aktar ċara dwar it-terminazzjoni tat-tqala fil-kodiċi kriminali u “li ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn il-liġi tinkrimina lil kull mara, f’kull sitwazzjoni li twassal għat-terminazzjoni ta’ tqala.”  

‘Ma noqgħodux induru mal-lewża, insejħu l-abort dak li hu’ 

Portelli Bonnici għamlet referenza għal każi bħal dawk ta’ Andrea Prudente, fejn it-tqala kellha tiġi terminata minħabba xi kumplikazzjonijiet. Qalet li tkun xi tkun iċ-ċirkostanza, jekk it-tqala se tiġi terminata din hija meqjusa abort. “M’għandniex għalfejn noqgħodu nduru mal-lewża. Insejħu l-abort dak li hu,” qalet Portelli Bonnici.  

“Jekk omm għandha bżonn il-kimoterapija b’mod urġenti u se jkollha tittermina t-tqala minħabba f’hekk, dik hija abort. Il-liġi nnifisha wkoll ma tagħmilx referenza għall-abort u tuża l-kelma korriment (miscarriage),” kompliet l-avukat.  

Hija temmen li l-poplu Malti “jibża’ mill-kelma abort għaliex m’hemmx biżżejjed kuxjenza u tagħrif dwar x’inhu l-abort.” Qalet li huwa għalhekk li l-l-missjoni tagħhom huwa li jgħallmu u jedukaw dwar x’inhu l-abort u jkun hemm onestà reċiproka. “Din hija xi ħaġa oħra li ma rridux nagħmlu, ma noqgħodux induru mal-lewża.” 

‘Il-bord ta’ tobba propost, jinsolenta l-kapaċità tat-tobba’  

Xhur ilu l-Gvern ressaq Abbozz Numru 28, jiġifieri emenda li jagħti lit-tobba l-libertà u l-għażla li jittermina tqala f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji. B’reazzjoni għal dan, grupp ta’ esperti ressqu position paper li fost l-emendi li ħassew li huma meħtieġa biex jirregolaw l-emenda inizjali li ressaq il-Gvern, proponew dak li jissejjaħ bord ta’ esperti mediċi. Dan il-bord, flimkien mat-tabib tal-omm, jieħdu deċiżjoni dwar jekk hemmx lok li tiġi ittermintata t-tqala, jew le. L-ILLUM tfakkarha proprju dwar dan u fi ftit kliem qalet li din il-proposta, “qed tinsolenta l-kapaċità tat-tobba.” 

“Hemm bord ta’ tobba f’każ li xi ħadd ikun f’inċident u għandu bżonn amputazzjoni? Le. Hemm bord għal xi ħadd li għandu bżonn intervent mediku urġenti li se jwassal għal tibdil radikali fil-ħajja tal-pazjent? Le. Mela ejja nafdaw lit-tobba tagħna li huma mgħallma biex jaffaċċjaw sitwazzjonijiet simili,” sostniet Portelli Bonnici.  

Saħqet li jekk hi se tmur għand tabib jew ġinekologu tafdah b’għajnejha magħluqa b’ħajjitha għaliex taf li biex dan laħaq tabib, kellu ittestjar rigoruż, għamel snin jistudja biex jagħti l-aħjar servizz u ħalef li se jkun ta’ għajnuna għall-pazjenti tiegħu.  

Qalet li fl-aħħar minn l-aħħar d-deċiżjoni dwar terminazzjoni tat-tqala għandha tittieħed fl-aħjar interess tal-pazjent, bil-kunsens tagħha. Dwar dan, tgħid ukoll li, bħala rappreżentanti favur l-għażla, huwa importanti li l-mara tingħata sostenn anke jekk tiddeċiedi li tixtieq tirriskja ħajjitha biex tipprova issalva l-ħajja tal-fetu.  

‘Hija vera ipokrezija li l-istess Gvern li jinkrimina l-abort ma joffrix kontraċettivi b’xejn’  

Din l-intervista issa iddur fuq il-kontraċettivi. Kritika ħafna dwar Abbozz Numru 28, Portelli Bonniċi ma tirrikonoxxix l-inizjattivi li ippropona u li saru mill-Gvern, fir-rigward tal-kontraċettivi? 

Hija twieġeb li filwaqt li huwa tajjeb li kien hemm proposti dwar introduzzjoni ta’ morning after pill b’xejn u proposti ta’ tqassim ta’ kontraċettivi oħra, għaliha mhux biżżejjed. L-istess tgħid fuq il-kuxjenza u l-għarfien dwar l-użu tal-kontraċettivi. Hija insistiet li issa l-kuxjenza ilha li tqajjmet u l-azzjoni mhux talli għandha bżonn tittieħed minnufih, talli kellha tittieħed snin ilu.  

“Hija vera ipokrezija u kontradizzjoni li l-istess Gvern li jinkrimina l-abort, huwa l-istess Gvern li ma joffrix kontraċettivi b’xejn. Jekk qed jipprova jipprevjeni l-abort, mela l-pass loġiku li jmiss huwa li jara li kulħadd ikollu aċċess għall-kontraċettivi,” tenniet Portelli Bonnici.  

Hawn l-ILLUM twaqqafha u tfakkarha fil-proposta tal-morning after pill u li ftit xhur ilu d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-2023 se jkun qiegħed joffri kontraċettivi b’xejn, jiftaħ aktar GU clinics u l-policy dwar is-saħħa riproduttiva. Għal dan hija qalet li filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ dawn huwa tajjeb – “u din għandha ssir malajr kemm jista’ jkun” – misshom ilhom li daħlu.  

“Ħafna drabi, dak li jkun jaħseb li għax attivisti bħalna jkunu favur l-għażla jfisser li nkunu rridu li n-nisa jibdew jirrikorru għall-abort. Dan mhu veru xejn, anzi inqas kemm ikun hawn abort, tant l-aħjar. Iżda l-uniku mod ta’ kif wieħed jista’ jipprevjeni dan huwa peremezz ta’ aċċess għall-kontraċettivi,” tenniet Portelli Bonniċi  

Hawn l-ILLUM terġa’ twaqqafha u tgħidilha li l-ebda kontraċettiv ma huwa infallibli u għal dan hija qablet u qalet l-unika mod li ma jkunx hemm tqala huwa peremezz tal-asitenenza. Minkejja l-astitenza hija fakkret lil din il-gazzetta li hemm nisa’ li minkejja li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ raġel volontrajament, xorta sfaw tqal minħabba stupru u għalhekk tkompli tisħaq fuq l-importanza tal-aċċess għall-kontraċettivi.  

“Sfortuntament, il-kontraċettivi mhux dejjem jaħdmu, ma nistgħux nagħmlu l-impossibbli lanqas. Jiena stess batejt minħabba falliment ta’ IUD. Qatt ma tkellimt dwarha pubblikament iżda jien kelli tqala ektopika u hija xi ħaġa trawmatika għal mara li tgħaddi minnha f’pajjiżna,” qalet Portelli Bonnici.  

‘Hemm ħafna nuqqasijiet fis-sistema’  

Fl-aħħar ta’ din l-intervista, Portelli Bonnici stqarret mal-ILLUM “li hemm ħafna nuqqasijiet fis-sistema”. Mistoqsija biex telabora aktar dwar dan hija qalet li huwa intuli li wieħed huwa informat dwar tipi differenti ta’ kontraċettivi iżda minħabba l-qagħda finanzjarja ta’ xi wħud, ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minnhom.  

Irrimarkat li huwa tajjeb ħafna li l-operazzjoni biex isir l-IUD huwa offrut b’xejn, iżda huwa inġust li wieħed irid jixtri l-IUD innifsu minn butu, “meta dan jiswa madwar €250.”  

Tajjeb li nsemmu li bħala parti mill-istrateġija favur is-saħħa riproduttiva, Partit Laburista fil-Gvern wiegħed li se jkun qiegħed jipprovdi l-IUD b’xejn iżda sa issa għad ma hemmx tragward ta’ meta din il-proposta se tkun qiegħda tiġi implimentata.  

“Jekk tkun qed taħdem bil-paga minima u għandek it-tfal x’titma’ mhux se tħallihom bil-ġuh biex tixtri dan il-kontraċettiv. Filwaqt li ħafna jgħidulek li s-soluzzjoni għal dan huwa l-astinenza, nafu li pajjiżna għandu r-realtà kiefra  ħafna każi ta’ strupru fiż-żwieġ. X’se jsir imbagħad?” temmet tistaqsi l-avukata u membru ta’ Avukati għall-Għażla Emma Portelli Bonnici.  

More in Politika