L-MUMN mhux se ssejjaħ azzjonijiet industrijali u titlob laqgħat mal-Ministru Chris Fearne

Wara li 98% tal-infermiera u l-qwiebel ivvutaw kontra l-proposti tal-Gvern, l-MUMN tgħid li se tagħtih ċans ieħor biex jinnegozjaw

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) mhux beħsieba ssejjaħ azzjonijiet industrijali immedjati filwaqt li qed titlob lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jiltaqgħu bil-għan li jkompli n-negozjar għal żidiet fil-paga tal-membri tagħha. 

Hekk qal il-President tal-MUMN Paul Pace, hekk kif ilbieraħ kważi 98% tal-membri tal-Unjin preżenti għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja ivvotaw kontra l-pakkett finanzjarju li offra l-Gvern. L-MUMN qalet li b'kollox kienu 804 membri li kienu preżenti, "l-aktar li qatt attendew għall-konferenza f'istorja tal-unjin." B'kollox kien 785 persuna li ivvutat kontra filwaqt li tmien persuni ivvutaw favur il-proposti. Min-naħa l-oħra, 11-il vot kien invalidu. 

Pace sostna li dawn il-voti kienu sinifikanti għaliex juru r-rabja tal-infermiera u l-qwiebel lejn il-pakkett finanzjarju li ppropona l-Gvern. Skont hu, dak li ippropona l-Gvern "ma jirriflettix ir-rispett li jistħoqqilhom dawn il-professjonijiet." 

Intant il-ġimgħa l-oħra, l-Unjin m'aċċettatx il-proposti li l-Gvern ressaq għall-membri tiegħu iżda ħalla f'idejn l-istess membri biex jiddeċiedu jekk dawn humiex adegwati għalihom permezz tal-Konferenza. Il-Ministru Chris Fearne qal illi l-Gvern offra ammont sostanzjali ta' żieda li saħansitra kien se jfisser €6,000 aktar fil-pagi tal-infermiera u l-qwiebel. Minkejja dan, Pace qal illi biex din il-kwota li ippropona l-Gvern tintlaħaq, l-infermiera u l-qwiebel iridu jaħdmu 56 siegħa fil-ġimgħa. 

Pace qal illi l-MUMN ikkuntattjat lil Fearne ilbieraħ stess biex ikomplu l-laqgħat dwar ftehim settorjali. Żied jgħid li filwaqt li ma ngħatax tragward ta' meta jerġgħu jibdew il-laqgħat, l-MUMN qed tistenna li ssir laqgħa l-ġimgħa d-dieħla. 

"Qed nagħtu lill-Gvern ċans ieħor biex nitkellmu u ninnegozjaw flimkien biex ikollna proposti adegwati. Bħala MUMN ma nistgħux niffirmaw proposti li ressaq il-Gvern, b'daqstant voti jopponuhom," qal Pace. 

More in Politika