Sondaġġ | 66.3% tal-votanti diżillużi jaqblu li hemm bżonn ta' partit ġdid

L-aktar persuni diżillużi bil-partiti l-kbar - Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista - huma l-aktar li jaqblu li hemm bżonn li jinħoloq partit ġdid. Fil-fatt minn fost l-34.8% ta' dawk li fl-aħħar sondaġġ qalu illi ma jridux jivvotaw, jew inkella li ma jafux kif se jivvotaw, maġġoranza qawwija jemmnu li wasal iż-żmien għal partit ġdid 

Fid-dawl tal-aħħar sondaġġi li juru tnaqqis għall-Partit Laburista imma ftit li xejn żieda għall-Partit Nazzjonalista, sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM juri illi l-maġġoranza assoluta ta' dawk li kieku issir elezzjoni llum ma jivvotawx jew ma jafux kif jivvutaw iridu li jinħoloq partit ġdid. Dawn iċ-ċifri kienu meħudin mill-aħħar sondaġġ li sar, ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday u li kien juri illi meta mistoqsijin kif jivvotaw kieku ssir elezzjoni, 24.8% qalu illi ma jivvotawx filwaqt illi 10% qalu illi ma jafux kif jivvutaw għal total ta' 34.8%. Dan huwa iktar minn terz tal-elettorat.  

Meta dawn kienu mistoqsijin jekk jaħsbux li wasal iż-żmien li jiġi ffurmat partit ġdid, maġġoranza assoluta ta' 66.3% wieġbu fl-affermattiv (Iva) u 33.7% wieġbu fin-negattiv.  

Dan għalhekk juri li fost dawk li ma jridux jivvotaw jew ma jafux kif jivvotaw kieku issir elezzjoni issa hemm sentiment qawwi ta' diżillużjoni bil-partiti politiċi, tant li jemmnu li wasal iż-żmien li jinħoloq partit ġdid minkejja li fl-ispettru politiku hemm l-ADPD u partiti oħrajn żgħar li qatt ma kellhom suċċess kbir (għajr darba meta l-ADPD kisbet riżultat tajjeb fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2004 - meta kiseb kważi 23,000 vot). 

L-aktar li jemmnu illi wasal iż-żmien għal partit ġdid huma d-diżillużi Għawdxin b'75.5% iwieġbu fil-pożittiv u 24.5% iwieġbu fin-negattiv. Kważi tliet kwarti (74%) ta' dawk li huma diżillużi u jgħixu fin-Nofsinhar tal-Port ukoll jemmnu li wasal iż-żmien għal partit ġdid, filwaqt li dan il-persentaġġ jinżel għal 61% fost dawk li ma jridux jew ma jafux kif jivvotaw u jgħixu fit-Tramuntana tal-pajjiż, żona li tinkludi lil San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar. Hawnhekk ukoll b'38.9%, huwa l-aktar reġjun li fih dawk diżillużi ma jaqblux li hemm bżonn ta' partit politiku ġdid.  

Fost id-diżillużi li jgħixu fil-punent tal-pajjiż ukoll kien hemm livell għoli ta' nies li ma jaqblux mal-formazzjoni ta' partit politiku ġdid, b'total ta' 42.3%. 

L-aktar li qalu illi ma jaqblux li għandu jinħoloq partit ġdid huma dawk ta' 65 sena jew aktar u li ma jridux jivvotaw, bi kważi 43%. Dan minkejja li dawn fil-maġġoranza tagħhom xorta jemmnu illi tagħmel sens li jkun hemm partit politiku ġdid (57.2%). Fost iż-żgħażagħ diżillużi kważi 63.6% tal-parteċipanti wieġbu li jaqblu mal-formazzjoni ta' partit ġdid, filwaqt li 36.4% qalu li ma jaqblux.  

Jekk inħarsu lejn il-partċeċipanti, skont il-livell edukattiv tagħhom insibu li dawk b'livell post-sekondarju u li huma diżillużi huma l-aktar li jaqblu li għandu jinħoloq partit ġdid (72.3%) filwaqt li dawk b'livell ta' primarju ta edukazzjoni u li ma jridux jivvotaw huma l-inqas settur tal-poplu li jemmnu illi għandu jinħoloq partit ġdid, b'44.3% biss.  

L-irġiel diżillużi huma ħafna aktar ħerqana għall-partit ġdid (69.2%) milli huma n-nisa (63.1%).  

F'Ottubru li għadda meta s-sondaġġ xjentifiku tal-ILLUM staqsa lill-parteċipanti kollha tas-sondaġġ jekk jaħsbux li wasal iż-żmien li jinħoloq partit ġdid b'total ta' 56% iwieġbu fl-affermattiv. Fil-fatt għall-mistoqsija dwar jekk jaħsbux li wasal iż-żmien li Malta jkollha partit ġdid 56.4% - jew maġġoranza assoluta - wieġbu 'iva'. Kienu kważi 43% li qalu 'le' u persentaġġ insinjifikanti - li jaqa' taħt il-marġinu ta' żball - ta' 0.5% li qalu illi 'ma jafux'.  

Kif mistenni, l-aktar li jixtiequ illi jaraw partit ġdid huma dawk li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni ġenerali u dawk illi kieku issir elezzjoni llum ma jivvotawx lanqas. Fil-fatt kienu xejn inqas minn 73.6% - kważi tliet kwarti - ta' dawk li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni li qalu li wasal iż-żmien li jkun hawn partit ġdid, persentaġġ li jerġa' jitla' sew 'il fuq għal 84% fost dawk li qalu illi kieku ssir elezzjoni llum ma jivvotawx.  

More in Politika