Infurzar fil-qasam tal-iskart: L-ERA tagħti 5,000 spezzjoni u 700 taħrika matul l-2022

Dan ix-xahar se jidħlu fis-seħħ żewġ emendi għal avviżi legali li għandom l-għan li jintroduċu s-separazzjoni tal-iskart mandatorja fis-sors fi ħdan il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Matul is-sena l-oħra u allura qabel bdiet skeda ġdida tal-ġbir tal-iskart f'Jannar li għadda l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi għamlet b'kollox 5,000 spezzjoni madwar it-toroq Maltin sabiex ikun aċċertat li kulħadd qed joħroġ l-iskart fil-ġurnata t-tajba u li l-iskart qed ikun separat kif suppost. Dawn ammontaw għal medja ta' 14-il shift ta' ħaddiema ta' infurzar kuljum.Minn dawn, l-istess awtorità ħarġet 700 taħrika. 

Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca waqt sessjoni li fiha l-ġurnalisti ingħataw rendikont tal-ħidma fil-qasam tal-iskart. 
Mercieca qal illi l-għan tal-ERA - speċjalment issa li ilna tliet xhur bi skeda ġdida ta' ġbir ta' skart - hija li tinforma u teduka aktar dwar il-bidliet u l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart, iżda mbagħad jekk persuna terġa' tinqabad tikser il-liġi tiġi mħarrka. 

Dan ix-xahar se jidħlu fis-seħħ żewġ emendi għal avviżi legali li għandom l-għan li jintroduċu s-separazzjoni tal-iskart mandatorja fis-sors fi ħdan il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Dawn ir-regolamenti ser jiġu introdotti ma’ kampanja edukattiva nazzjonali tul ta’ sitt xhur sabiex jiġi żgurat illi l-pubbliku huwa nfurmat b’mod adegwat qabel dawn il-liġijiet jidħlu fis-seħħ, biex imbagħad minn Ottubru kull min ma jisseparax l-iskart jkun immultat. 

Il-multi se jitilgħu sa €150 f'każ li persuna tinqabad tikser il-liġi għat-tielet darba. 

More in Politika