Is-sondaġġi: Għaliex la l-PL imma lanqas il-PN ma għandhom wisq biex jifirħu

Il-Labour ra tnaqqis konsiderevoli fid-distakk favurih u anke l-fiduċja f'Robert Abela ħadet majnata. Imma l-PN għadu 23,000 vot u aktar 'il bogħod mill-Gvern minkejja li ilu fl-Oppożizzjoni 10 snin u Bernard Grech huwa inqas popolari minn Roberta Metsola... 

Nhar il-Ħadd li għadda kienu ppubblikati żewġ sondaġġi li juru illi d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista naqas, miżerjament b'10,000 vot (skont is-sondaġġ ta' Vince Marmara) jew bi kważi 17,000 vot (skont is-sondaġġ ta' The Sunday Times). B'differenza, dak tal-Maltatoday li kien ippubblikat ġimagħtejn ilu juri distakk ferm iżgħar ta' ftit iktar minn 8,000 vot imma f'liema każ ma sarx proċess li bih ikun determinat dawk li wieġbu "ma nafx" fir-realtà kif inhuma predisposti jivvutaw kieku issir elezzjoni ġenerali llum. Is-sondaġġ ta' The Sunday Times juri illi l-PN għamel ftit li xejn gwadann mit-telf tal-Labour, filwaqt li dak tal-Maltatoday juri li l-PN għamel gwadann ta' 6%.  

Dak ta' Vince Marmara ppubblikat fuq il-gazzetta it-Torċa wkoll juri xejra ta' tnaqqis għal-Labour ta' 1.8% u żieda għall-PN ta' 1.9%. Dan is-sondaġġ juri distakk ta' 29,000 vot favur il-Labour (bl-istess turnout tal-elezzjoni li għaddiet) jew 26,000 vot favur il-Labour (jekk it-turnout ikun inqas, skont kif qed juri s-sondaġġ).  

Dak ta' The Sunday Times juri distakk ta' 23,000 vot favur il-Partit Laburista.  

Hu x'inhu, dawn it-tliet sondaġġi juru żewġ affarijiet. L-ewwel li l-Partit Laburista għadu pjuttost jew ħafna aktar popolari mill-PN. U t-tieni ħaġa, qed juru illi l-Partit Laburista ra tnaqqis konsiderevoli fl-appoġġ lejh.  

Imma allura dan is-sondaġġ huwa sinjal ta' żminijiet aħjar għall-PN? Li l-agħar għadda? Jew kif kien hemm min qal fuq il-midja soċjali, li l-Labour qabad it-triq inevitabbli għan-niżla?  

Dan huwa qari superfiċjali ta' dawn is-sondaġġi u hawn huma uħud mir-raġunijiet għal dan.  

Sondaġġ waħdu jfisser ftit... Ix-xejra tfisser ħafna aktar 

Sondaġġ huwa ritratt meħud minn xi ħadd fuq it-telefon, fost kampjun tal-elettorat, tas-sitwazzjoni politika preżenti. Bħal elezzjoni, imma fejn qed tivvota bil-fomm ma' xi ħadd li ma tafx eżattament min hu. Qed nispjegaw dan biex nifhmu għaliex f'sondaġġ ikollok livelli ħafna ogħla ta' nies li ma jweġbux jew inkella jirrispondu "ma nafx."  

Minkejja dan il-fattur, sondaġġ jagħti stampa viċin tar-realtà u s-sentiment b'mod ġenerali, iżda sondaġġ irid jinqara fil-kuntest ta' diversi oħrajn li juru xejra u mhux waħdu.  

Jiġifieri jekk fis-sondaġġ ta' Mejju d-distakk bejn il-partiti jerġa' jkun ta' 23,000 - 26,000 vot, dan ikun qed jindika xejra ċara ta' tnaqqis għal-Labour. Jekk juri distakki iżgħar ikun qed jindika b'aktar qawwa din ix-xejra 'l isfel. Iżda jekk id-distakk jerġa' jikber  ikun indikazzjoni li t-tnaqqis seta' kien ħafna iktar temporanju u reazzjoni aktar immedjata għall-iżviluppi relatati mal-kuntratt mal-VGH/Steward. 

Jekk f'Ġunju jsiru dawn it-tliet sondaġġi u d-distakk jibqa' ta' bejn 23,000 u 26,000 vot jew saħansitra jonqos, ikun turija ċara li x-xejra 'l isfel għal-Labour hija waħda konsiderevoli, li d-diżillużjoni hija kkonsolidata u li t-tnaqqis huwa iktar kostanti. Jekk le, iktar u iktar jirriżulta li dak ta' dan ix-xahar kien eċċezzjoni.  

Li qed ngħidu huwa li biex wieħed jevalwa aħjar, is-sentiment fost il-poplu permezz tas-sondaġġi,  jrid jara numru ta' sondaġġi biex jara jekk it-tnaqqis għal PL hux xejra jew eċċezzjoni u anke biex wieħed jifhem aħjar dawk li ma jridux jivvutaw esprimewx ħsieb ta' mument jew intenzjoni ħafna iktar determinata. 

Fl-10 sena, distakk bħal dan huwa "rekord" 

Fl-10 sena Gvern ikun beda jieħu l-aħħar nifsijiet u jekk il-partit ma jkunx spiċċa mill-Gvern, definittivament illi jkun tilef ħafna mill-appoġġ li jkun kiseb biex rebaħ 10 snin qabel.  

George Borg Olivier rebaħ l-elezzjoni tal-1962 b'distakk ta' 11,000 vot, b'total ta' 42% tal-voti. Perċentwalment il-PN żied għal kważi 48% tal-voti fl-1966 (wara l-indipendenza). Fl-1971 iżda tilef l-elezzjoni u Dom Mintoff kien elett Prim Ministru b'50.8% u distakk ta' ftit inqas minn 5,000 vot. Fl-1976 l-MLP reġa' rebaħ b'bejn wieħed u ieħor l-istess distakk, biex imbagħad fl-1981 il-Labour tilef il-maġġoranza tal-poplu (għalkemm żamm il-maġġoranza ta' siġġijiet parlamentari).  

Fl-1987 il-PN permezz ta' Eddie Fenech Adami kien elett b'maġġoranza ta' ftit inqas minn 5,000 vot, maġġoranza li rduppjaha għal distakk ta' 13,000 vot fl-1992. Kontra dak li ħafna stennew, fl-1996 - wara disa' snin fil-Gvern - il-PN tilef u l-Labour reġa' rebaħ il-Gvern b'madwar 7,400 vot.  

L-uniku eċċezzjoni għal din ix-xejra kienet l-1998 meta l-Gvern li kien imexxi Alfred Sant waqa' wara vot kontrih mill-eks PM Dom Mintoff. Żvilupp politiku uniku mill-Indipendenza lil hawn. 

Fl-1998 il-PN reġa' tela' fil-Gvern b'maġġoranza ta' 13,000 vot, li żamm fl-2003 fl-elezzjoni abbinata mas-sħubija fl-UE. Wara 10 snin, minkejja li kien jidher illi l-MLP kien qiegħed f'limbu politiku u minkejja li l-PN kellu saħħa pjuttost kbira, dan tal-aħħar irnexxielu jirbaħ l-elezzjoni biss b'1,500 vot - l-inqas distakk bejn il-partiti fl-istorja politika moderna.  

Dan juri allura li Gvern Laburista ta' Joseph Muscat u issa mmexxi minn Robert Abela, 10 snin wara li kien elett, għadu jżomm livell għoli ħafna ta' popolarità. Anzi, jekk nikkalkulaw l-elezzjonijiet u mhux is-sondaġġi, il-Labour mar kontra kull xejra fl-istorja politika moderna, hekk kif rebaħ b'maġġoranza ta' 35,107 voti fl-2013 u fl-2022 (disa' snin wara) rebaħ b'maġġoranza akbar: Distakk ta' 39,474 vot.  

X'ifisser dan?  

Ifisser li l-Partit Laburista diġà sfida kull normalità politika f'termini ta' popolarità u allura wieħed jista' faċilment jasal għall-konklużjoni li x-xejra 'l isfel hija kważi xi ħaġa ovvja u naturali ħafna, f'dan il-punt. Anzi, dawk li qajla jaqblu mal-PL probabilment jgħidu li x-xejra 'l isfel bdiet "wisq tard". U fil-fatt - jekk dawn l-aħħar sondaġġi jkunu kkonfermati f'xejra - ikun l-aktar Gvern li żamm popolarità għal daqstant tul ta' żmien. 

Jekk jirriżulta li dawn is-sondaġġi kienu l-eċċezzjoni mela allura l-Labour ikun qed ikompli jikser ir-rekord tiegħu stess bħala l-partit li baqa' l-aktar popolari fil-Gvern.  

Kampanji Presidenzjali: Abela fdat ħafna iktar minn Grech 

Fl-aħħar snin l-attenzjoni tal-kampanji elettorali iffukat dejjem aktar fuq il-persuna tal-Kap jew il-Mexxej. Għalkemm fil-verità dan dejjem kien xi ftit jew wisq ċentrali u kruċjali għall-fortuni politiċi tal-partit fl-aħħar snin rajna l-messaġġ tal-partiti jinbidel: Minn wieħed li jiffoka fuq il-motto elettorali għal dak li jitratta min qed imexxi. Bdejna minn GonziPN meta fl-2008 - minkejja li kien beda jidher it-tmiem ta' Gvern Nazzjonalista - Lawrence Gonzi kien għadu ferm aktar popolari minn Alfred Sant. Dan kien fattur ewlieni biex Gonzi rebaħ dik l-elezzjoni kontra l-istennija ġenerali, inkluż fil-PN innifsu. U komplejna bil-kampanja Tagħna Lkoll li kienet iffukata fuq Joseph Muscat - wiċċ ġdid u politiku aktar fdat minn Gonzi. Spiċċajna imbagħad bl-elezzjoni tal-2022 fejn fl-aħħar billboard tal-Labour bil-kliem 'Malta Flimkien' kien hemm il-PM Robert Abela ma' martu u bintu.  

Fil-fatt mill-2013 lil hawn l-ebda Kap Nazzjonalista ma rnexxielu jiġi qrib il-Mexxej Laburista f'termini ta' fiduċja, xi ħaġa li kienet riflessa fir-riżultati elettorali. Anzi, id-differenza kienet waħda kbira ħafna.  

Fl-aħħar sondaġġi din id-differenza għadha waħda pjuttost kbira, li allura turi li l-potenzjal li l-Labour jikber jibqa' akbar mill-potenzjal tal-PN.  

Dak li deher fit-Torċa staqsa hekk: Min taħseb huwa l-aħjar biex imexxi lill-pajjiż? 45.2% wieġbu 'Robert Abela', 26.7% wieġbu 'Bernard Grech', 20% wieġbu 'Ħadd', 7.1% ma jafux u 1% semmew persuni oħrajn.  

Dan ifisser illi b'kollox 18.5% iktar (li jinħadmu għal madwar 61,000 votant) jafdaw aktar lil Robert Abela biex imexxi.  

Dak tal-maltatoday jistaqsi mistoqsija ftit differenti, għax jitsaqsi preċiżament dwar fiduċja. Lil min tafda?  

Id-differenza hawn tonqos għal 8%, imma mill-ġdid favur Robert Abela li tinħadem għal madwar 26,400 votant. F'dan is-sondaġġ kważi 36% qalu illi ma jafdaw lil ħadd.  

F'dak ta' The Sunday Times il-parteċipanti jagħtu marka ta' fiduċja lill-mexxejja, b'Abela jingħata approvazzjoni ta' 5/10 (minn 6.9/10 fl-aħħar sondaġġ) li fil-fatt hija l-inqas rata ta' fiduċja mkejjla f'dan is-sondaġġ għal Abela. Minkejja dan, il-fiduċja fi Grech ukoll naqqset u fil-fatt hija baxxa ħafna bi 3.8/10 (minn 4.2).  

Dan x'juri? Juri illi l-fiduċja fi Grech għadha batuta ħafna kif kienet prattikament dejjem. Biżżejjed naraw illi fl-aħħar sondaġġ ta' qabel l-aħħar elezzjoni d-differenza fil-fiduċja - meta skont is-sondaġġ tal-Maltatoday id-distakk kien ta' 29,000 favur il-Partit Laburista - kien ta' 13.2%, favur Robert Abela.  

Xahar qabel l-aħħar elezzjoni skont is-sondaġġ ta' The Sunday Times 55.3% kienu jippreferu lil Robert Abela bħala PM filwaqt li kienu biss 17.3% li semmew lil Grech.  

Dan juri wkoll li Abela qed ibati minn tnaqqis fil-fiduċja u anke fin-numru ta' nies li jarawh bħala l-aħjar biex imexxi, imma jibqa' jkollu vantaġġ komdu fuq Grech.  

Imma x'inhu l-potenzjal li l-PL u l-PN jżidu l-votanti? 

Marbuta mal-fiduċja jeħtieġ nikkalkulaw liema partit għandu l-aktar potenzjal li jikber.  

Filwaqt li skont is-sondaġġ tal-Maltatoday huma 30.8% li jivvutaw PL kieku issir elezzjoni llum, Abela huwa fdat minn 34.2% tal-elettorat. Bernard Grech huwa fdat minn 26.1% u huma b'kollox 28.4% illi jivvutaw PN kieku ssir elezzjoni llum.  

Dan juri sitwazzjoni opposta fil-partiti, li fil-fatt hija xejra li ilha għaddejja sa minn saħansitra qabel l-2013, fejn il-Mexxej Laburista huwa aktar popolari mill-partit. Dan ifisser li hemm eluf ta' votanti (skont dan is-sondaġġ 3.4%, imma ġeneralment dan ikun ħafna ikbar) li ma jridux jivvotaw imma li jafdaw aktar lil Abela. Allura - il-probabilità hija illi dawn il-votanti, kieku jivvotaw huma ħafna iktar predisposti li jimmarkaw fuq l-aħmar.  

Minn naħa l-oħra l-PN huwa aktar popolari mill-Kap tiegħu, li jfisser li hemm eluf ta' nazzjonalisti (2.3% imma ġeneralment ikun persentaġġ akbar) li mhumiex kuntenti bit-tmexxija tal-partit, imma li xorta jivvotawlu kieku issir elezzjoni.  

Jekk naraw is-sondaġġ tat-Torċa s-sitwazzjoni tinbidel għal Abela u tiggrava għal Grech. Filwaqt li 53.3% jivvotaw Labour, huma 45.2% li jaħsbu li Abela huwa l-aħjar mexxej li jista' jmexxi lill-pajjiż. Differenza ta' 8%. Minn naħa l-oħra 43.6% jivvotaw PN u huma biss 26.7% li jaħsbu li Grech huwa l-aħjar biex imexxi, differenza kbira ta' kważi 17%.  

Mid-term blues... Lura għan-normalità? 

Tant hi komuni fiċ-ċiklu politiku li hemm espressjoni għaliha, "mid-term blues". L-aktar perjodu fiċ-ċiklu ta' leġiżlatura li fih ikun hemm diżillużjoni, rabja lejn il-Gvern jew indifferenza ġenerali lejn il-politika. It-tgergir jilħaq il-qofol tiegħu u anke l-partit fil-Gvern innifsu (jkun liema jkun) jabbuża aktar mill-fatt li elezzjoni tkun għadha 'l bogħod u jdaħħal ċerti miżuri jew riformi jew jieħu passi li jqanqlu oppożizzjoni. 

Dawn l-aħħar 10 snin, minkejja li rajna protesti u saħansitra riżenja ta' Prim Ministru, dawn il-mid-term blues qatt ma trażmettew ruħhom f'riżultati elettrorali ħżiena minkejja li kien hemn sondaġġi li wrew tnaqqis - anke konsiderevoli - għal-Labour.  

Jekk dan is-sondaġġ jirriżulta f'xejra 'l isfel għal-Labour ikun sinjal ta' mid-term blues, imbuttati minn ħafna fatturi, fosthom: L-għoli tal-ħajja, il-kuntratt VGH/Steward, l-ambjent u l-kostruzzjoni kif ukoll kwistjonijiet oħrajn bħas-sigurtà, l-immigrazzjoni u l-popolazzjoni.  

Il-mistoqsija hija allura: Il-Gvern qed jieħu kont ta' dan id-dwejjaq? Qed jindirizzah? U sa fejn jista' jindirizzah mingħajr ma joħloq aktar reżistenza lejh?  

Għandu erba' snin ċans biex jagħmel il-bidliet meħtieġa, speċjalment fl-ambjent u t-trasport. 

Bernard Grech vs. Roberta Metsola 

Is-sondaġġ ippubblikat fuq The Sunday Times ma kellu aħbarijiet assolutament xejn sbieħ għal Bernard Grech hekk kif f'termini ta' popolarità ġenerali huwa ħafna inqas popolari minn Roberta Metsola u saħansitra minn Adrian Delia bħala "il-Kap tal-PN ippreferut." 

Fil-fatt kważi 25% tal-parteċipanti jippreferu lil Roberta Metsola bħala Kap tal-PN, 19% jippreferu lil Delia u huma biss 11% li qalu illi jippreferu lil Grech, li huwa saħansitra inqas minn dawk li qalu illi ma jippreferu lil ebda wieħed minn dawn.  

Anke fost il-votanti nazzjonalisti, skont dan is-sondaġġ, Metsola hija pjuttost aktar popolari.  

Fid-dawl ta' stejjer dwar il-futur tiegħu bħala Kap tal-PN u l-fatt li Grech stess mhux qed jkun ċar u skjett dwar il-pożizzjoni tiegħu - sena 'l bogħod mill-kampanja għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew - dan is-sondaġġ ipoġġi l-ogħla kariga fil-PN fuq art xejn soda, mhux eżattament preludju tajjeb għal Mejju/Ġunju 2024. 

More in Politika