Dalli tinsisti fuq prezzijiet stabbli tal-enerġija biex l-UE tnaqqas id-dipendenza fuq gass Russu

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija Ewropej ġew diskussi proposti ġodda għat-tfassil ġdid tas-suq tal-elettriku, gass u l-idroġenu

Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija Ewropej, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli saħqet fuq il-pożizzjoni ta’ Malta li l-prezzijiet tal-elettriku ma jibqgħux marbuta ma’ dawk tal-gass. Bħalissa, il-prezzijiet tal-elettriku huma stabbiliti minn suq li l-prezzijiet tiegħu jingħalqu siegħa b’siegħa, li normalment jiġi determinat mill-elettriku ġġenerat mill-impjanti tal-gass, u għalhekk il-prezzijiet tal-gass.

Fil-Kunsill tal-Enerġija, ġew diskussi proposti ġodda mill-Kumissjoni Ewropea għal tfassil ġdid tas-suq tal-elettriku, gass u l-idroġenu u d-domanda tal-gass.

Dwar il-proposta għal tfassil ġdid tas-suq tal-elettriku, il-Ministru Dalli insistiet fuq il-bżonn ta’ din ir-riforma hekk kif Stati bħal Malta jiffaċċjaw prezzijiet għolja tal-elettriku minħabba l-mod ta’ kif jopera s-suq Ewropew. Grazzi għall-miżuri implimentati mill-Gvern Malti, il-konsumaturi Maltin huwa protetti minn din il-bidla eżorbitanti fil-prezzijiet.

Il-Ministru Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ reviżjoni li tassigura prezzijiet stabbli u li tiggarantixxi sigurtà tal-provvista fit-tul – fejn jibbenefikaw minnhom konsumaturi Ewropej, inkluż dawk l-Istati Membri, bħal Malta, li huma dipendenti fuq swieq ta’ pajjiżi oħra.

Id-diskussjonijiet fuq it-tfassil tas-suq tal-elettriku huma mistennija li jkomplu fil-ġimghat u x-xhur li ġejjin.

Sadanittant, il-Ministri tal-Enerġija qablu li jestendu għal sena oħra r-regolamenti fuq it-tnaqqis tal-użu tal-gass. Din se twassal għat-tnaqqis fid-dipendenza tal-UE fuq il-gass Russu u preparazzjoni għall-istaġun xitwi li jmiss. Malta kienet innegozjat b’suċċess deroga minn proposta tal-Kummissjoni Ewropea li kienet imponiet tnaqqis fid-domanda bi 15%. Din id-deroga kienet bżonnjuża minħabba li Malta hija dipendenti ħafna fuq l-elettriku, u kull tnaqqis mandatorju kien ikollu impatt negattiv  fuq il-familji u n-negozji. Anke fl-estensjoni ta’ dan ir-regolament, Malta innegozjat biex iżżomm id-deroga.

Il-ministri Ewropej tal-enerġija laħqu l-pożizzjoni tagħhom fuq pakkett tal-gass u l-idroġenu.  Dawn il-proposti għandhom l-għan li jiffaċilitaw id-dħul ta’ sistemi t’enerġija rinnovabbli u gass, li jwasslu għal qabża mill-gass naturali għall-gassijiet ġodda li għandhom rwol importanti biex jintlahqu l-miri tal-UE għan-newtralità l-klima sal-2050.

More in Politika