Joseph Muscat: ‘L-akkużi ta’ frodi kienu fil-konfront ta’ Steward u mhux tiegħi’

Huwa jtenni li jilqa' kull tip ta' skrutinju ulterjuri wara dak li sar mill-Awditur Ġenerali u mill-Qorti

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat għal darboħra ikkummenta u qal illi, l-akkużi ta’ frodi fis-sentenza kienu fil-konfront ta’ Steward Healthcare u mhux fil-konfront tiegħu jew il-Gvern li kien immexxi minnu. “Barra minn hekk ma hemmx referenza għall-korruzzjoni,” żied Muscat.

Huwa qal li l-fatt li l-konċessjoni tal-isptarijiet ġiet diskussa u ttieħdu deċiżjonijiet dwarha numru ta’ drabi fil-Kabinett, mhux xi ħaġa ġdida, “fil-fatt dan huwa inkluż tabella li tinsab fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali u li l-Qorti għamlet tagħha.”

Huwa sostna li l-Kabinett minn dejjem għandu sistema stabbilita ta’ skrutinju legali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.

“Jiena personalment nissemma fis-sentenza darbtejn. L-ewwel fejn jingħata rendikont tax-xhieda tiegħi, li dwarha l-Imħallef ma sabx kummenti kuntrarji x'jagħmel. It-tieni fejn l-Imħallef jikkwota parti minn din ix-xhieda fejn għidt li l-konċessjonarji ma kienux wettqu dak kollu mistenni minnhom,” żied jgħid Muscat.

Fl-aħħar huwa qal li r-raġuni għaliex l-Imħallef ħassar il-konċessjoni “kienet biss li fil-fehma tiegħu, il-konċessjonarji ma wettqux dak mistenni minnhom.”

Tenna wkoll li jilqa’ kull tip ta’ skrutinju ulterjuri li jista’ jkun hemm wara dak li sar mill-Awditur Ġenerali u mill-Qorti.

More in Politika