VGH: Grech jesiġi li kulħadd jerfa' responsabilità u jagħmel xogħlu wara li l-kuntratt ġie iddikjarat null

Adrian Delia jisħaq li l-ftehim ta' ħlas ta' €100 miljun f'multa m'għandhomx jitħallsu għax anke dan ġie meqjus bħala frodi 

F'indirizz waqt konferenza tal-aħbarjiet il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-istituzzjonijiet, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg issa iridu jagħmlu xogħolhom, anke jekk dan huwa tard. "Issa m'għandhom l-ebda skuża," qal Grech. 

Dan qaluh fid-dawl tas-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale meta iddikjara il-kuntratt ta' "frodi" tal-Vitals Global Healthcare null. Id-Deputat u l-eks mexxej tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li fetaħ il-kawża snin ilu, iddeskriva dan il-kuntratt bħala "skifuż u maħmuġ" u qal illi "minkejja l-forzi kollha tal-ħażen u li kulħadd kien kontra tagħna, illum rebħet Malta." 

"Il-Qorti għal darb' oħra kienet l-uniku istituzzjoni li ħadmet għall-poplu Malti u Għawdxi. Is-sentenza ta’ llum saret għax il-Qorti ma ħadmitx għal Gvern jew għal Robert Abela imma ħadmet kif suppost billi segwiet id-dmir tagħha lejn il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna," qal Grech.

Għaldaqstant tenna li bħala Kap tal-Oppożizzjoni, jippretendi li l-Avukat Ġenerali "li sa llum m'għamlu xejn fuq dawn il-kuntratti korrotti jagħmlu xogħolhom."

 

Għaldaqstant appella wkoll li bħala Oppożizzjoni "sħiħa u b'saħħitha" se tibqa' taħdem għall-poplu Malti u mhux għall-interessi ta' persuni oħra. 

Intant Delia qal illi, "x'jagħmel il-Gvern, x'missu għamel il-Gvern u x'dak li jista' jagħmel, illum ġie issuperat mill-Qorti. Jekk jappellax il-Gvern, dak jarah hu, iżda d-deċiżjoni tal-Qorti hija waħda eżekuttiva u dak li ordnat il-Qorti jrid jibqa' għaddej." 

Meta mistoqsi fuq il-ftehim ta' ħlas ta' €100 miljun jekk il-kuntratt ikun nullifikat, "ħadd mhu se jħallashom għax il-Qorti ġabret dak il-kuntratt bħala wieħed frodulenti u twaqqgħet ukoll." 

F'risposta li ta lil ġurnalisti Grech qal li "f'pajjiż normali ħadd m'għandu għalfejn jiftaħ kawża biex is-sewwa tirbaħ u li l-ebda Gvern ma jagħmel ftehim ta' frodi. Iżda jekk dan isir, l-Avukat Ġenerali, bħalma kellha ordni li tmexxi kriminalment fuq materja oħra, tagħmel xogħolha." 

More in Politika