'Art Għawdxija se tittiekel biex wara li jikkollassa l-proġett tal-mitjar tittella' xi blokka residenzjali'

L-MEP u eks Prim Ministru Alfred Sant għal darb'oħra jikkritika l-proġett tal-mitjar f'Għawdex, li kien waqqaf milli jsir meta ġie elett fl-1996

L-MEP u l-eks Prim Ministru Alfred Sant għal darb'oħra wera' b'mod ċar li huwa kontra mitjar f'Għawdex, dan wara li waqqaf kull pjan li ssir meta ġie elett fl-1996, hekk kif din ġiet proposta fis-snin 90 mill-Eks Prim Ministru u President Emeritu, Eddie Fenech Adami. 

Fl-istqarrija tiegħu ta' Facebook huwa saħaq li b'dan il-proġett, "se tittiekel u tinqered aktar art mill-kampanja Għawdxija biex wara li jikkollassa l-proġett, jittella' xi blokka residenzjali, xi ieħor kummerċjali u madwarhom iqumu elf talba biex Ċikku u Peppu jitħallew inaqqru aktar mill-art agrikola ħalli jibnu." 

Il-pjan ta' dan il-mitjar se jkun qiegħed jara estensjoni ta' mitjar eżistenti, Ta' Lambert, li bħalissa għandu kobor ta' 174 metri u huwa propost li jiġi estiż għal 445 metru, bi 30 ċentimetru għas-sigurtà fuq kull naħa tal-mitjar. Dan il-proġett kien kritikat minn diversi ambjentalisti u NGOs għax jemmnu li se jeqred il-karattersitiċi uniċi ta' Għawdex inkluż mill-Moviment Graffitti li qal li "l-Gvern qed jipproponi l-proġett distruttiv u xejn vijabbli tal-mitjar f'Għawdex u qiegħed jippreżentah bħala proġett li se jtejjeb it-trasport bejn il-gżejjer."

Tajjeb li nfakkru li l-Awtorità għall-Ippjanar u r-Riżorsi (ERA) eżentat milli ssir Assessjar tal-Impatt Ambjentali (EIA). Dan meta żviluppi żgħar bħal pompa tal-petrol fuq art Barra miż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ) ikollha tagħmel l-EIA.

Sant irrimarka li jinsab skantat kif il-pjan għal mitjar f'Għawdex "sab l-appoġġ ta' daqstant negozjanti Għawdxin." Dan filwaqt li qal li ma jistax jara kif titjiriet ta' ajruplan bi programm regolari biex iġorr passiġġieri bejn Malta, Għawdex u lura "jistgħu ikunu kummerċjalment vijabbli." 

"Għawdex jixraqlu aktar rispett," temm jgħid l-MEP Alfred Sant. 

More in Politika