Elezzjoni 1998: 'Ugo kien qal lill-armata u lill-pulizija biex ikunu on alert u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom'

Mill-Presidenza li Ugo u Guido ma tantx xtaqu, sa dik kontroversjali ta' Fenech Adami u kif il-valuri konservattivi tal-eks PM ikkontrastaw mal-viżjoni ta' Malta fi proġett li jħaddan il-liberaliżmu... 

Ugo Mifsud Bonnici kien staqsa lil Eddie Fenech Adami, dak iż-żmien Prim Ministru, għaliex kien se jagħmel lilu President tar-Repubblika. "Ugo qalli ċar li meta Fenech Adami kien għażel lilu biex ikun President tar-Repubblika huwa kien jemmen li bħala Ministru tal-Edukazzjoni kellu ħafna iktar x'joffri. "Il-Presidenza taqtak minn man-nies. Għalfejn se tagħmel lili President?" kien staaqsa Ugo. U Eddie wieġbu, "għax inti l-aħjar persuna biex isservi f'din il-kariga."  

Dione Borg - li għadu kif ippubblika l-bijografija tal-eks Prim Ministru u President Emeritus li jġib ismu, "Eddie"  - jgħid illi dak li kien qal Fenech Adami lil Mifsud Bonnici fil-fatt rajnih iseħħ hekk kif bħala President huwa kellu fuq idejh il-kriżi politika tal-1998 li rat lill-Gvern li kien imexxi Alfred Sant jmur għal elezzjoni, sentejn biss wara li kien rebaħ fl-1996 u wara li l-eks Mexxej Laburista Dom Mintoff ivvota kontra Mozzjoni ta' Fiduċja fil-Gvern marbuta ma' proġett fil-Kottonera.  

Huwa qal illi fl-1998 kien hemm mument qasir ta' vakuum politiku hekk kif Alfred Sant ma kienx irriżenja b'mod uffiċjali u Fenech Adami ma setax jieħu l-ġurament tal-ħatra. "Kien f'dan il-mument li Ugo Mifsud Bonnici kien tkellem mal-Armata u mal-Pulizija biex ikunu on the alert u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom jekk ikun meħtieġ," spjega Dione Borg mal-ILLUM. 

'L-għażla ta' President hija dejjem suġġett ta' dibattitu' 

U għal mument nitkellmu wkoll dwar il-ħatra ta' Guido De Marco bħala President tar-Repubblika, propju ftit qabel dak li kellu jkun il-qofol tal-karriera politika tiegħu bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin li tant kien ħadem biex Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea. 

Borg jgħid li l-għażla ta' President tar-Repubblika dejjem hija suġġett ta' ħafna diskussjoni u dibattitu kif kienet - wara kollox - il-ħatra ta' Fenech Adami nnifsu. Ifakkar kif fil-ktieb tiegħu l-eks PM Lawrence Gonzi jgħid li l-għażla ta' Fenech Adami bħala President, anke jekk ma kinitx popolari, kienet importanti, "għax ħadd daqsu ma kellu l-kredibilità u l-kuntatti fl-UE li l-pajjiż kien se jkollu bżonn f'dawk l-ewwel snin ta' sħubija fl-UE." Huwa jgħid li l-każ ta' Guido De Marco kien simli wkoll.  

Naturalment dawk li ma jaqblux ma' Dione Borg jgħidu li De Marco kien qed jingħata l-ġenb, kif diversi jisħqu li ġara lil Presidenti oħrajn, fosthom Marie Lousie Coleiro Preca li din il-ġimgħa stess qalet li ma riditx issir President u li saret taf dwar din il-ħatra minn fuq l-aħbarijiet.  

Konservattiv imma ried idaħħal lil Malta fi proġett li jemmen fil-liberaliżmu: Kontradizzjoni? 

Eddie Fenech Adami, bħal Dom Mintoff, kien f'era meta l-mexxejja politiċi kienu pass 'il bogħod minn allat żgħar, meta l-lealtà lejn il-mexxej politiku kienet assoluta u meta episodji ta' ribelljonijiet interni - bħal dik fil-PN stess li rat lil Adrian Delia jitlef postu - kienu xi ħaġa li wieħed lanqas biss kien joħlom li jiġru. Jaħseb li ż-żmien meta ħadd ma jista' għall-mexxejja u li huma l-bidu u t-tmiem ta' kollox tassew huwa warajna? 

L-awtur u l-ġurnalist jgħid li Fenech Adami innifsu ma kienx jemmen fl-idea tal-politiku idolizzat u "kien b'saħħtu mhux fl-għajjat u l-ponnijiet, imma f'dak li kien jemmen."  

Borg qal illi quddiem "l-agressività" ta' Mintoff, Fenech Adami ma għażilx li jkun aggressiv u jirribella, argumenti li aktar tard waqt din l-intervista l-gazzetta ILLUM tisfidah dwarhom.  

Huwa qal illi s-sigriet tas-suċċessi tiegħu kienu l-kawtela u l-valuri li kien iħaddan, li jgħid illi kienu insara imma mhux konfessjonali.  

U ladarba semma' l-valuri l-ILLUM tistaqsi lil Borg dwar dak li jkun hemm min jara bħala kontradizzjoni.  

Mela minn naħa Fenech Adami kien l-akbar promotur tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea - proġett politiku li jimbotta l-liberaliżmu ekonomiku u anke dak li jitratta drittijiet ċivili - pero' fl-istess ħin, lil Malta dejjem donnu ried iżommha lura milli jkollha din l-istess politika. Il-gazzetta tfakkru fil-Liġi tal-Koabitazzjoni li Fenech Adami kien wiegħed li jimplimenta u lanqas din - f'16-il sena - ma kien wettaq! Ma jaħsibx li dan kollu huwa kontradittorju? 

Dione Borg ma jaqbilx u jisħaq li kien Eddie Fenech Adami li ta libertajiet fundamentali lill-poplu. "Issa hu kien jaf li biż-żmien bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea se jinfetaħ il-bieb għal ċerti drittijiet, kif fil-fatt ġara. Imma hu kien jemmen li l-prinċipju bażiku kien it-titjib b'mod ġenerali tal-poplu." 

Imma l-gazzetta terġa' tirrepeti l-mistoqsija. Mhux kontradittorja li emmen tant fi proġett li jħaddan il-liberaliżmu imma mbgħad, anqas ried iwettaq bidla daqstant bażika bħal protezzjoni lil tnejn minn nies illi qed jgħixu flimkien? 

Dione Borg sostna li għal Eddie Fenech Adami l-valuri insara kienu importanti, pero' jgħid ukoll li fl-istess ħin hu kien beda l-proċess li permezz tal-isħubija fl-Unjoni Ewropea jseħħu l-iżviluppi u l-bidliet fis-soċjetà tagħna, sabiex din tinfetaħ iktar.  

Fenech Adami jiffirma biex nidħlu fl-Ewropa
Fenech Adami jiffirma biex nidħlu fl-Ewropa

'Il-fatt li l-maġġoranza jaqblu li post Malta huwa fl-UE juri kemm kellu viżjoni tajba' 

L-ILLUM tfakkru illi minkejja li llum hawn maġġoranza qawwija tal-poplu - inkluż ħafna votanti Laburisti - li jemmnu illi post Malta huwa fl-UE, din il-viżjoni minkejja li kienet rebbieħa, xorta ma kisbitx il-maġġoranzi li huma viċin l-40,000 vot li qed jikseb il-Partit Laburista. Kif jispjega dan? U jaħseb li Fenech Adami kien pinġa stampa li mhix veritiera lill-kaċċaturi dwar sħubija, sabex jaċċerta rebħa fir-referendum? 

Huwa beda billi sostna li ma jridx jitkellem fuq settur partikolari u sostna wkoll li l-fatt li b'mod ġenerali maġġoranza kbira llum temmen li post Malta huwa fl-UE, jikkonferma kemm kellu viżjoni tajba Fenech Adami. "Nemmen li huwa xtaq illi pajjiżna jidħol qabel fl-UE u mill-ktieb tiegħi jkompli jirriżulta fil-fatt kemm kien diffiċli li jikkonvinċi diversi pajjiżi biex Malta terġa' tiftaħ n-negozjati mal-UE, wara li l-applikazzjoni għas-sħubija kienet iffriżata minn Gvern Laburista fl-1996." 

Huwa spjega illi l-aktar pajjiżi li kellhom bżonn konvinċiment kienu fil-fatt dawk nordiċi.  

Dwar ir-riżultat tar-referendum li dak iż-żmien kien ta distakk (sa dak iż-żmien rekord) ta' madwar 17,000 vot favur l-IVA huwa qal illi dawk tal-2003 kienu realtajiet politiċi oħrajn u saħaq illi kieku kellu jsir referendum illum, lanqas il-Partit Laburista ma joħroġ kontra.  

Borg jgħid illi Fenech Adami biż-żmien ingħata raġun fuq ħafna kwistjonijiet oħrajn, fosthom il-pluraliżmu fix-xandir u l-Kunsilli Lokali.  

More in Politika