Investiment ta' €175 miljun fi tkabbir u proġetti fl-Ajruport li se jibdew minn din is-sena

Apparti l-espansjoni tat-terminal se jsiru diversi xogħlijiet oħra, fosthom il-proġett ta’ Apron X, li ser jippermetti lill-ajruport jakkomoda aktar ajruplani pparkjati 

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta
L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

Il-pubbliku jista’ jistenna li jara bidliet kbar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul il-ħames snin li ġejjin, hekk kif il-kumpanija li tmexxi l-ajruport ħabbret li ser tkun qiegħda tinvesti madwar €175 miljun, li minnhom €39 miljun ser ikunu investiti fl-2023.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni llum, il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport Alan Borg ippreżenta proġetti notevoli mill-pjan ta’ investiment tal-kumpanija għall-ħames snin li ġejjin. Borg iddeskriva dan il-pjan bħala wieħed kruċjali sabiex il-kumpanija tkun tista’ tirrealizza l-viżjoni tagħha li timmira għal numri ta’ passiġġieri ogħla minn dawk miksubin fl-2019, filwaqt li tkompli tagħti servizz tal-ogħla livell u anki tilħaq il-miri ambjentali tagħha.

Wieħed mill-akbar proġetti għall-ħames snin li ġejjin huwa dak tal-Espansjoni tat-Terminal. Għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li permezz tagħha ser issir estensjoni tal-binja fid-direzzjoni tal-Punent, diġà ġew approvati xi disinni kunċettwali. Proġetti aktar immedjati, li mistennijin jitlestew matul l-2023, jinkludu t-twessigħ taż-żona fejn isiru l-kontrolli tad-dwana, il-kostruzzjoni ta’ passaġġ mgħotti bejn Park East u t-terminal, u l-introduzzjoni ta’ żewġ ħwienet tal-ikel ġodda. 

Barra minn hekk, ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Apron X, li ser jippermetti lill-ajruport jakkomoda aktar ajruplani pparkjati filwaqt li jiġġestixxi aħjar operat li jinvolvi flotot ta’ ajruplani differenti, qabdu ritmu tajjeb, hekk kif il-kumpanija qiegħda timmira li sas-sajf tal-2024 ikunu tlestew sabiex jintużaw l-ewwel stands ta’ parkeġġ. Matul is-snin li ġejjin, il-kumpanija ser tkun qiegħda tinvesti wkoll fil-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-mitjar. 

“Ninsabu kuntenti li llum nistgħu naqsmu parti mill-viżjoni tagħna għall-ħames snin li ġejjin. L-eżekuzzjoni ta’ dawn il-proġetti ambizzjużi filwaqt li t-terminal jibqa’ jopera mhix ser tkun faċli, iżda nifhmu li għandna r-responsabbiltà li niżguraw li, bħala l-punt ta’ dħul tal-maġġoranza tat-turisti li jżuruna, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jevolvi u jikkompeti mal-aqwa ajruporti Ewropej,” qal Alan Borg.

Id-destinazzjonijiet li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu jidher li huma f’pożizzjoni aħjar li jkomplu jirkupraw b’pass mgħaġġel matul is-sena li ġejja. Għaldaqstant, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa impenjat li, f’ħidma mill-qrib mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jiżgura li jkompli jtejjeb l-kompetittività ta’ Malta permezz ta’ konnessjonijiet aħjar. Abbażi tal-iskeda ta’ titjiriet għax-xitwa 2022-2023 u l-iżviluppi li ġew ikkonfermati għall-istaġun tas-sajf li ġej, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jistenna li jospita 6.3 miljun passiġier fl-2023, jiġifieri rkupru ta’ 86% tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija.

Il-kumpanija qiegħda tistenna wkoll li tiġġenera dħul li jammonta għal €97 miljun u profitt nett ta’ €29 miljun.

More in Politika