'Wara li dfinna lil Malta u qed nidfnu lil Għawdex bil-bini ma għandniex induru għal Kemmuna'

L-eks Deputat u eks Ministru Laburista Evarist Bartolo jingħaqad mal-kor ta' oġġezzjonijiet kontra proġett ta' lukanda estiża f'Kemmuna

L-eks Deputat Laburista Evarist Bartolo ingħaqad mal-vuċijiet dejjem jiżdiedu kontra żvilupp propost f'Kemmuna. Huwa nnota fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook li "wara li dfinna lil Malta taħt ħafna bini u qed nidfnu wkoll lill-Għawdex, m’għandniex issa ngħaddu biex nidfnu anke lil Kemmuna taħt il-bini."

Skont il-pjanti, li bħalissa qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar, is-sit tal-eks "Comino Hotel" se jiġi żviluppat mill-ġdid u d-disa’ bungalows mitluqa li bħalissa jinsabu fil-Bajja ta’ Santa Marija se jiġu sostitwiti b’kumpless ferm akbar ta’ 19-il villa komplut b'convenience store u kumditajiet oħra, f’dak li jista’ jsir “Comino Village” ta’ residenzi permanenti permezz tal-użu ta’ lakuni legali.

Kemmuna hija indikata bħala Żona ta' Konservazzjoni Rurali, Riżerva Naturali, Żona Speċjali ta' Konservazzjoni, Żona ta' Protezzjoni Speċjali, Żona Importanti għall-Għasafar (IBA) ta' Importanza Internazzjonali u tal-UE, sit Natura 2000, Santwarju tal-Għasafar, u "Dark Sky Heritage site". L-iżvilupp propost mhu kompatibbli ma’ ebda waħda minn dawn id-denominazzjonijiet.

Bartolo sostna li l-għaqdiet ambjetali għandhom raġun jilmentaw u joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp unappella lin-nies biex jiffirmaw il-oġġezzjoni kontra dan l-iżvilupp.

Intant anke l-Moviment Graffitti qefd jopponi dan l-iżvilupp u qed isostni li l-influss ta' tagħmir tqil, materjali tal-kostruzzjoni u l-forza tax-xogħol se jikkawżaw impatt ambjentali kbir, kif ukoll il-qerda, li tista' tkun irriversibbli, ta' żoni ta' ħabitat naturali fil-kumpless innifsu u disturbi fiż-żona ta' madwaru. "Hemm ukoll tħassib serju dwar iż-żieda fit-traffiku introdott fiż-żona, u l-immaniġġjar u t-trattament ta’ provvisti u skart li jwasslu għal żieda fil-pesti u l-iskart li huma ta’ ħsara diretta għall-ekosistema delikata lokali, li tinkludi popolazzjonijiet ta’ Garni (Yelkouan Shearwaters) vulnerabbli protetti fil-viċinanzi," temm jgħid il-Moviment Graffitti. 

More in Politika