Għaqdiet joġġezzjonaw kontra żvilupp 'mostruż' li se jieħu post il-lukanda f'Kemmuna u bini mitluq

Il-pjanti ta' dan il-Comino Village bħalissa qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar

Ritratt meħud waqt il-protesta f'Kemmuna minħabba d-deckchairs u l-umbrellel
Ritratt meħud waqt il-protesta f'Kemmuna minħabba d-deckchairs u l-umbrellel

Numru ta' għaqdiet qegħdin jappellaw lill-pubbliku biex joġġezzjona għall-iżvilupp "mostruż ta’ villaġġ” fuq Kemmuna. L-għaqdiet ambjentali qed iħeġġu lill-pubbliku biex jopponi l-pjanijiet tal-iżviluppaturi biex jinħoloq kumpless ta’ vilel fil-gżira ta’ Kemmuna bħala parti mill-pjanijiet proposti għall-lukanda l-ġdida mressqa minn Hili Group.

L-għaqdiet li qed jippreżentaw l-oġġezzjoni huma BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta - FEE, u Ramblers’ Association Malta.

Skont il-pjanti, li bħalissa qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar, is-sit tal-eks "Comino Hotel" se jiġi żviluppat mill-ġdid u d-disa’ bungalows mitluqa li bħalissa jinsabu fil-Bajja ta’ Santa Marija se jiġu sostitwiti b’kumpless ferm akbar ta’ 19-il villa komplut b'convenience store u kumditajiet oħra, f’dak li jista’ jsir “Comino Village” ta’ residenzi permanenti permezz tal-użu ta’ lakuni legali.

Kemmuna hija indikata bħala Żona ta' Konservazzjoni Rurali, Riżerva Naturali, Żona Speċjali ta' Konservazzjoni, Żona ta' Protezzjoni Speċjali, Żona Importanti għall-Għasafar (IBA) ta' Importanza Internazzjonali u tal-UE, sit Natura 2000, Santwarju tal-Għasafar, u "Dark Sky Heritage site". L-iżvilupp propost mhu kompatibbli ma’ ebda waħda minn dawn id-denominazzjonijiet u ġie deskritt bħala “mostruż” u “okkupazzjoni bil-moħbi” ta’ din il-gżira li suppost għandha tiġi protetta biex tkun tista' titgawda mir-residenti Maltin u Għawdxin kollha.

L-influss ta' tagħmir tqil, materjali tal-kostruzzjoni u l-forza tax-xogħol se jikkawżaw impatt ambjentali kbir, kif ukoll il-qerda, li tista' tkun irriversibbli, ta' żoni ta' ħabitat naturali fil-kumpless innifsu u disturbi fiż-żona ta' madwaru. Hemm ukoll tħassib serju dwar iż-żieda fit-traffiku introdott fiż-żona, u l-immaniġġjar u t-trattament ta’ provvisti u skart li jwasslu għal żieda fil-pesti u l-iskart li huma ta’ ħsara diretta għall-ekosistema delikata lokali, li tinkludi popolazzjonijiet ta’ Garni (Yelkouan Shearwaters) vulnerabbli protetti fil-viċinanzi.

L-approvazzjoni tal-proġett mill-ERA bħalissa qed tiġi appellata mat-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) minn diversi organizzazzjonijiet.

Intant Moviment Graffitti stqarr li, "huwa xokkanti li żvilupp bħal dan qed jiġi kkunsidrat. Il-pubbliku għandu jieħu l-opportunità biex jesprimi l-frustrazzjoni tiegħu għal dan l-iżvilupp propost u jfakkar lill-Awtorità tal-Ippjanar li d-dmir tagħha mhuwiex li tħares lill-iżviluppaturi u n-negozji l-kbar, iżda l-ġid komuni f’isem il-komunità biex jipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli, skont id-dikjarazzjoni tal-missjoni tagħha."

L-oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni għall-iżvilupp jistgħu jintbagħtu lill-Awtorità tal-Ippjanar sat-23 ta’ Jannar permezz tal-formola onlajn: Hawnhekk.

More in Politika