Il-faċċata tad-dar bi stil art deco tas-snin 30 se tkun kollha kemm hi rrestawrata

Il-PA tfakkar li l-applikazzjoni approvata tiżgura li d-disinn tas-sulari addizzjonali fi Triq Tigne u Triq Sant'Antnin ikunu koerenti mal-faċċata eżistenti tal-proprjetà li l-Awtorità kienet skedat f'Ġunju 2018

Il-faċċata tad-dar 'Maronna' f'Tas-Sliema
Il-faċċata tad-dar 'Maronna' f'Tas-Sliema

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) fi stqarrija sostniet illi l-faċċata ta' proprjetà f'Tas- Sliema, fiż-żona ta' Tigne, se tinżamm kollha kemm hi u tiġi restawrata bħala parti minn proġett ta’ żvilupp li se jinkludi l-bini ta’ erba’ sulari addizzjonali u penthouse fuq in-naħa ta’ quddiem. L-Awtorità qalet dan fid-dawl ta' rapporti fuq il-midja li sejħitilhom "skorretti" u li jitrattaw l-faċċata ta' din id-dar li tfakkar li hija ta' Grad 2. 

L-applikazzjoni ġiet approvata skont id-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar wara li l-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet irrifjutat l-applikazzjoni.

Il-PA tfakkar li l-applikazzjoni approvata tiżgura li d-disinn tas-sulari addizzjonali fi Triq Tigne u Triq Sant'Antnin ikunu koerenti mal-faċċata eżistenti tal-proprjetà li l-Awtorità kienet skedat f'Ġunju 2018. Tfakkar ukoll li l-Awtorità kienet skedat il-faċċata ta' din il-proprjetà wara li ġiet sottomessa applikazzjoni għat-twaqqigħ tal-bini kollu minħabba d-deterjorazzjoni tiegħu.

Flimkien ma’ din il-binja bl-isem ‘Maronna’, il-PA kienet ipproteġiet ukoll il-faċċata ta’ żewġ proprjetajiet oħra ġirien jiġifieri ‘Lavinia’ u ‘Licinia’. It-tliet proprjetajiet kollha għandhom tip uniku ta' arkitettura Art Deco iddisinjat minn Filippo Tortell fil-bidu tas-snin tletin.

"Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali tat il-kunsens tagħha għal dan il-proġett u l-istil arkitettoniku se jinżamm kollu," temmet tgħid l-istqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

More in Politika