43% biss tal-votanti bejn 36 u 50 sena jgħidu li se jivvutaw lill-istess partit fl-elezzjoni tal-ewropa

Għalkemm għadu kmieni l-ewwel indikazzjonijiet juru li għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hemm problemi ta' apatija u nies li ma jridux jivvotaw, kemm għall-PN u anke għall-PL 

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ser issir fl-2024 inti beħsiebek terġa' tivvota lill-istess partit li vvotajtlu fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali?  

Hekk kienet il-mistoqsija ta' sondaġġ xjentifiku tal-ILLUM li qed jevalwa - anke jekk fadal sena u nofs - x'inhu s-sentiment tal-votanti għal din l-elezzjoni li ser titqies bħala test elettorali f'nofs leġiżlatura.  

Il-maġġoranza assoluta ta' dawk li wieġbu huma determinati li fl-2024 jerġgħu jivvotaw lill-istess partit li vvotawlu fl-2022. Fil-fatt kienu b'kollox 60.5% li wieġbu hekk.  

Mhux daqstant aħbar tajba għall-Partit Nazzjonalista huwa l-fatt li fost il-votanti tiegħu hemm ftit inqas rieda għal vot lill-istess partit, milli hemm fil-Partit Laburista li tradizzjonalment ukoll għandu bażi ta' appoġġ xi ftit aktar leali. Fil-fatt minn dawk li vvotaw PN fl-2022, 70.4% beħsiebhom jagħmlu l-istess fl-2024, persentaġġ li huwa ftit ogħla fost il-Laburisti b'72%.  

Huma sebgħa fil-mija tal-votanti nazzjonalisti fl-2022 li qalu illi mhumiex se jerġgħu jivvotaw PN fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, persentaġġ li jinżel għal 4.5% fost il-Laburisti.  

Intant minn dawk li qalu illi kieku ssir elezzjoni llum jerġgħu jivvotaw Labour 86% wieġbu illi fl-2024 beħsiebhom jerġgħu jivvotaw fuq l-'Aħmar', b'81% ta' dawk li jivvotaw PN kieku issir elezzjoni llum determinati li fl-2024 jivvotaw fuq il-'blu'.  

Intant il-partiti kienu viċin ħafna f'dak li jirrigwarda nies li mhux beħsiebhom jivvotaw fl-2024, b'5.3% fost dawk li vvotaw PN fl-2022 u 4.8% fost dawk li vvotaw PL. Il-persentaġġi kienu ħafna ogħla fost dawk li qalu li ma jafux kif se jivvotaw jew li ma rrispondewx. Kienu 17.3% ta' dawk li vvotaw PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali li ma tawx risposta, persentaġġ li jinżel għal 14.3% fost il-Laburisti.  

Dan ifisser illi, sa issa, huma 19% tal-votanti Laburisti fl-2022 li jew ma jridux jivvotaw fl-2024, jew huma inċerti jew ma jridux jgħidu. Persentaġġ li jitla' għal 22.6% fost il-votanti Nazzjonalisti tal-aħħar elezzjoni.  

Naturlment dawk li ma vvotawx fil-Ġenerali huma l-aktar votanti inċerti jew li minn issa diġà jafu li ma jridux jivvutaw. Fil-fatt 21% ma jridux jivvotaw u 15.6% qalu li ma jafux jew ma weġbux, għal total ta' 36.6%. 

L-Għawdxin, tal-Punent u tat-Tramuntana l-aktar li ma jridux jafu bil-partit "tagħhom" 

Meta mbagħad taqsam ir-risposti ġeografikment issib li l-inqas li wieġbu "Iva" għall-mistoqsija kienu il-parteċipanti mit-Tramuntana tal-pajjiż - li jinkorpora lil San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, Għargur, l-Imġarr, il-Mosta u lin-Naxxar. Hawnhekk 48% biss qalu li beħsiebhom jivvotaw lill-istess partit, b'28.2% - l-ogħla persentaġġ minn Malta kollha - jgħidu li ma jafux kif se jivvutaw fl-2024 jew ma tawx risposta.  

F'din iż-żona ta' Malta 7.8% qed jgħidu li mhumiex beħsiehom jivvotaw lill-istess partit.  

Iżda jidher li huwa ftit aktar lejn it-tramuntana fejn hemm l-aktar votanti li mhumiex kuntenti u li allura mhumiex beħsiebhom jivvotaw lill-istess partit li vvotawlu fl-2022. Huma b'kollox 11.7% tal-Għawdxin li wieġbu b'dan il-mod u beħsiebhom idawwru l-vot, anke jekk 61.3% tal-Għawdxin se jivvotaw kif għamlu fl-aħħar elezzjoni.  

Fil-punent - li jinkorpora lil Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, L-Iklin u r-Rabat, fost oħrajn - 11% ma jridux jerġgħu jivvotaw lill-istess partit fl-2024. Minkejja dan, f'din iż-żona hemm l-ogħla persentaġġ li wieġbu illi se jivvotaw l-istess: 66.7%.  

Bozoz ħomor għal-Labour? 

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-aktar reġjuni ħomor - jiġifieri in-Nofsinhar u n-Nofsinhar tal-Port - insibu li hemm persentaġġi inqas għolja ta' nies li se jivvutaw l-istess partit u persentaġġi ogħla ta' votanti li ma jafux kif se jivvutaw jew li ma jridux.  

Fin-nofsinhar tal-Port - li jinkorpora uħud mill-aktar lokalitajiet Laburisti, jiġifieri: Bormla, il-Birgu, l-Isla, Ħaż Żabbar, il-Fgura, Raħal Ġdid u x-Xgħajra, fost oħrajn - xejn inqas minn 12.6% qalu li ma jridux jivvutaw, filwaqt li 18.5% qalu li ma jafux jekk hux se jivvotaw jew ma weġbux. Dan huwa total ta' 31.1% li ma jridux jew ma jafux kif se jivvotaw fl-2024. Maġġoranza ta' 53.7% se jivvotaw lill-istess partit.  

Fin-Nofsinhar tal-pajjiż, li jinkludi numru ta' lokalitajiet fejn il-PL huwa b'saħħtu ħafna wkoll, jiġifieri: Birżebbuġa, il-Gudja; Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Marsaxlokk, iz-Żejtun u z-Żurrieq, fost oħrajn - kienu 11.1% li qalu li fl-2024 ma jridux jivvotaw, filwaqt li 16.5% qalu li ma jafux jew ma weġbux. Dan jammonta għal total ta' 27.6% li ma jridux jew ma jafux kif se jivvotaw.  

L-akbar apatija fost dawk ta' mezza età 

U finalment, meta naqsmu lill-parteċipanti skont l-età - forsi mingħajr sorpriżi insibu li dawk iżgħar fl-età (16 sa 35 sena) u dawk ta' mezza età (35 sa 50 sena) huma l-aktar ċerti li ma jridux jivvotaw fl-2024 jew l-aktar inċerti dwar kif se jivvotaw.  

Fil-fatt huma 16.8% dawk bejn 36 u 50 sena li diġà determinati li ma jivvotawx, filwaqt li 20.7% ma jafux jew ma ridux iwieġbu. Dan jagħmel lil dan il-grupp ta' votanti l-aktar li - sa issa - qed juru apatija lejn l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jmiss b'total ta' 37.5% li ma jridux jew ma jafux kif se jivvotaw. Huma 43.4% biss li qalu illi se jivvotaw lill-istess partit, filwaqt li 10.2% determinati li ma jagħmlux l-istess bħalma għamlu fl-2022.  

Minkejja li għadu kmieni għalhekk jidher ċar li dan il-grupp ta' votanti, magħmul l-aktar minn nies li stablixxew ruħhom f'karriera, xtraw post, forsi għandhom familja, filwaqt li forsi qed jaħsbu f'xi investiment żgħir li jistgħu jagħmlu - huwa l-aktar wieħed kruċjali. 

Intant fost dawk bejn 16 u 36 sena huma 4% biss li qalu illi mhux jivvotaw, filwaqt iżda li 18% ma weġbux jew ma jafux kif se jivvotaw, għal total ta' 22%.  

B'76.6% l-aktar li se jerġgħu jivvotaw lill-istess partit huma dawk li għandhom 65 sena jew aktar.  

More in Politika