'Kollox taħt kontroll!' Il-Ministeru għas-Saħħa jiċċara li l-mediċini, inkluż l-insulina, huma in stock

Ilbieraħ il-PN appella lill-Gvern minħabba nuqqas fil-provvista ta' diversi mediċini li 'qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja ta' diversi pazjenti'

Il-Ministeru għas-Saħħa jiċċara li fejn għandu x'jaqsam il-provvista ta' mediċini fil-pajjiż kollox huwa "taħt kontroll, tant illi mediċini li semma' l-Partit Nazzjonalista, qegħdin fil-fatt in stock, għand is-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU)." 

Dan qalu b'referenza għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, ilbieraħ, li stqarr li l-provvista ta' insulina "ma kinitx regolari u skont il-bżonn tal-pazjenti f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex." Il-Kelliem għall-Ġlieda kontra d-Dijabete, għal-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali Claudette Buttigieg flimkien mal-Kelliem għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo u l-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri li qalu li dan in-nuqqas qed iwassal għal ansjetà żejda fost il-pazjenti. Dan filwaqt li qalu li din il-problema ilha tinħass għal aktar minn xahar u li jinsabu mħassba li l-Gvern ilu ma jippubblika l-lista uffiċjali tal-mediċini out of stock kważi xahrejn. 

Intant il-Ministeru innota li flwaqt li n-nuqqas fil-provvista ta' diversi mediċini qed tinħass fuq livell internazzjonali, b'skarsezza ta' diversi mediċini reġistrati f’dawn il-ġranet f’25 minn 27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, l-Awtoritajiet għas-Saħħa Maltin "qegħdin jaħdmu biex jassiguraw il-konsenji adegwati tal-mediċini għall-pazjenti Maltin u Għawdxin."

Għaldaqstant, il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed iserraħ moħħ il-pazjenti li jagħmlu użu mill-Aspart, Galvus, Latanoprost, Creon u l-Goserelin Injection, li s-CPSU irċieva l-konsenji neċessarji u li dawn qed jitqassmu fl-ispiżeriji tal-POYC madwar Malta u Għawdex matul din il-ġimgħa.

Fir-rigward tal-antibijotiċi, is-CPSU qiegħda tassigura l-provvista ta’ dawn il-mediċini jew l-ekwivalenti tagħhom ukoll. Fl-aħħar ġimgħat il-Ministeru għas-Saħħa żamm numru ta’ laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea dwar id-diffikultajiet fil-provvista tal-mediċini madwar l-Ewropa biex jiżgura li pajjiżna jkollu aċċess ugwali għall-mediċini daqs l-istati membri l-kbar tal-Unjoni Ewropea.

Infakkru li l-PN appella għal aktar trasparenza u effiċjenza fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-mediċini fil-pajjiż u li, "l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieqaf milli jipprova jaħbi problemi serji mill-poplu u jiffoka aktar fuq is-soluzzjonijiet għall-ġid tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom." Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għas-Saħħa, "jikkundanna stqarrijiet partiġġjani li joħolqu allarm bla bżonn fost il-pazjenti."

More in Politika