Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie arrestat wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar allegat traffikar tad- droga fil-Marsa.
Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija osservat il-movumenti tar-raġel u għal xi l-ħdax ta’ bil-lejl ta’ nhar it-Tnejn, ir-raġel ġie ċċirkundat u twaqqaf fi Triq in-Nagħal, il-Marsa.
Minn tfittxija li saret fuqu, instabu mas-70 pakkett b’sustanza suspettata droga eroina u kokaina, kif ukoll ponn tal-ħadid u pepper spray.
Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum.